Fit-tieni nofs ta’ Settembru l-Partit Laburista se jkun qed imexxi l-elezzjoni għall-amministrazzjoni l-ġdida tal-Partit. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara konferenza tal-aħbarijiet.
Dr Abela sostna kif se jkun hemm ukoll elezzjoni ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, wara r-riżenja ta’ Daniel Micallef.
Qal, “F’nofs Settembru hemm it-tieni parti tal-proċess li hu ferm importanti, jiġifieri l-elezzjoni tal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Partit, għax it-terminu statutorju tagħha ntemm. Hemm ukoll elezzjoni tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit fiċ-ċert jekk ma jkunx hemm ukoll elezzjoni għall-kariga l-oħra ta’ Deputat Mexxej. Dik hi kwistjoni li għad trid tiġi determinata.”
Sadanittant il-Prim Ministru wieġeb ukoll mistoqsijiet dwar il-qasam tas-saħħa f’pajjiżna.
Fil-fatt, hawn Dr Abela elenka l-ħidma li diġà saret, fosthom li tintuża l-infrastruttura medika kollha tal-pajjiż għal każi ta’ emerġenza, ħidma biex titnaqqas il-lista ta’ stennija tal-MRIs u kif ukoll dik tal-mammograms.
Qal, “Il-proċess li jmiss, li bħalissa qed jaħdem fuqu l-Ministeru tas-Saħħa fuqu, hu li nindirizzaw ukoll il-lista ta’ stennija f’dawk li huma operazzjonijiet Ortopediċi.”
Dwar il-qasam tat-trasport f’pajjiżna, Dr Abela tenna l-bżonn ta’ aktar ħidma, filwaqt li nnota dak li għamel Gvern Laburista b’kuntrast ma’ Gvern Nazzjonalista li, f’kampanja elettorali, ippropona s-sistema tat-trackless tram mingħajr ma qatt studjaha.
Il-Prim Ministru spjega l-importanza ta’ miżuri, bħat-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, saħansitra anke fuq il-baħar. Hu aċċenna wkoll għall-ħidma li qed issir favur użu aħjar tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna.
Qal, “Dak li tħadditna dwaru preċedentament bħalissa hemm proċess b’saħħtu minn Transport Malta li qed jiġi finalizzat u ninsab konvint li, fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin, inkunu nistgħu nniedu din il-mod differenti ta’ kif is-servizzi essenzjali bħad-deliveries, bħall-ġbir tal-iskart fil-pajjiż, ikunu jistgħu jsiru b’mod u manjiera li nutilizzaw l-infrastruttura tat-toroq tagħna b’mod aħjar, jiġifieri nqassmu l-ħinijiet fejn il-konġestjoni tibda titnaqqas.”