“Il-kisbiet ta’ dan il-pajjiż huma l-kisbiet tagħkom”. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività oħra politika f’Ħal Luqa, waqt li rreaġixxa għal dak li mħabbar l-Erbgħa filgħodu fejn, fl-ewwel tliet xhur tas-sena, Malta esperjenzat tkabbir ekonomiku fenomenali.
Quddiem folla mill-isbaħ, il-Prim Ministru spjega li dawn ir-riżultati sbieħ huma grazzi għas-saħħa ta’ dan il-pajjiż u frott il-bżulija tal-Maltin u l-Għawdxin.
“Kbirna tnax il-darba aktar minn kemm kibru il-pajjiżi Ewropej ta’ madwarna. Dik hija s-saħħa tal-pajjiż tagħna. Dik hija is-saħħa tagħkom. Dak huwa r-riżultat tal-bżulija tagħkom. U x’ma tkunx kburi li tkun il-Prim Ministru ta’ Malta. Erġajna għal darb’oħra rnexxielna nkunu l-aqwa fl-Ewropa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawn, Dr Abela qal li t-tkabbir ekonomiku mhux il-wasla ta’ xi ħaġa, iżda l-punt tat-tluq biex il-Gvern jinvesti iżjed fl-infrastruttura, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u, fuq kollox, fil-poplu Malti nnifsu.
Il-Prim Ministru spjega li dawn ir-riżultati qed jaslu, minkejja li diversi pajjiżi madwar id-dinja qed jiffaċċjaw kriżijiet kbar. Iżda pajjiżna, bil-maqlub, se jibqa’ miexi ’l quddiem, għax għandu pjan ċar ta’ elf proposta li se jsiru elf kisba.
Il-Prim Ministru sostna li l-establishment, li għadu jemmen li għandu xi dritt divin għall-poter, qatt ma fehem li l-poplu jiddeċiedi dak li jsir f’pajjiżna. Saħaq li quddiem dan kollu, hu l-poplu Malti u Għawdxi li jiddeċiedi dak li jrid isir f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm din l-attività b’messaġġ b’saħħtu biex, bil-vot tat-8 ta’ Ġunju li ġej, il-poplu jiddeċiedi jekk iridx Ewropa ta’ paċi jew Ewropa ta’ gwerra, jekk iridx lokalitajiet b’kunsilli li jimbottaw pjani favur ir-residenti jew kunsilli li jimbottaw l-aġenda tagħhom.
Għalhekk temm jgħid li hu l-poplu li għandu s-saħħa li jiddeċiedi wkoll jekk nibqgħux mexjin ’il quddiem jew jekk inreġġgħux l-arloġġ lura, kif irid il-Partit Nazzjonalista.
“Lil dawn tridu inthom, jew tridu tkunu miegħi? Jew tridu tkunu miegħi għal moviment tagħkom jew tridu tkunu miegħi għal Għawdex u għal Malta? Jien qatt ma bżajt inkun hemm għalikom. Issa għandi bżonn l-għajnuna tagħkom. Agħtu mill-ġdid sinjal ċar li inthom sovrani. Agħtu mill-ġdid sinjal tal-qawwa tal-moviment tagħna. Is-saħħa f’idejkom. Is-saħħa lil-Luqin. Is-saħħa lill-Għawdxin u s-saħħa lill-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela