Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-istudenti tal-Iskola Primarja tal-Birgu fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita, inawguraw il-Ġnien fuq il-Glażiż fil-Kottonera.
Żona ta’ madwar 9,000 metru kwadru, li għal numru ta’ snin kienet fi stat ta’ abbandun, u li issa ġiet irriġenerata fi spazju rikreattiv biex jitgawda mill-familji.
Dr Abela saħaq li dan hu proġett ieħor minn kullana ta’ proġett li l-Gvern qed jimplimenta biex ikompli jżomm mal-wegħda elettorali li jagħti lir-residenti spazji miftuħa fil-qalba tal-komunità u viċin fejn jgħixu.
Żied jgħid li dan il-ġnien se joffri spazju fejn il-familji jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità mal-għeżież tagħhom.
Qal li wara proġetti oħrajn importanti fil-Kottonera, bħar-riġenerazzjoni tal-Pjazza u x-Xatt tal-Kalkara, il-Birgu hu post ieħor li qed igawdi minn investiment u proġett ta’ kwalità b’enfażi favur in-nies.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern kommess li jkompli l-ħidma tiegħu biex pajjiżna jkollu lokalitajiet b’aktar spazji miftuħa li jkunu jistgħu jitgawdew mir-residenti, familji u tfal.
Ix-xogħlijiet f’dan il-proġett irrispettaw l-ambjent eżistenti. F’dan il-ġnien inħolqu diversi żoni ta’ rikreazzjoni, fosthom post għall-picnics, logħob għat-tfal u anke park għall-klieb.
It-tagħmir ġdid f’dan il-ġnien hu magħmul minn materjal naturali u rriċiklat.
Hemm ukoll sistema ta’ dwal ġodda li tagħmel użu mill-enerġija solari u tpoġġew kameras tas-sigurtà madwar il-ġnien. Il-proġett sar minn GreenServ, fergħa fi ħdan il-WasteServ li timplimenta proġetti ħodor f’żoni urbani.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, li fissret kemm spazji bħal dawn huma importanti għall-komunità.
Intqal kif nhar is-Sibt li ġej mill-4:00 ta’ waranofsinhar ’il quddiem se tkun qed tiġi organizzata wkoll attività f’dan il-ġnien b’divertiment għall-familja kollha.
Preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, is-Sindku tal-Birgu, John Boxall, u l-kunsillieri tal-Birgu.