Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Ġnien Spencer fil-Marsa. Dan il-pulmun aħdar fil-qalba ta’ din il-lokalità tkopri żona ta’ madwar 11-il tomna ta’ art.
Dan il-proġett jippromwovi b’mod saħħtu l-prinċipju tas- sostenibbiltà fosthom b’sistema tal-ħażna tal-ilma u li fl-istess ħin tiffiltrah. Dan flimkien mat-tħawwil ta’ qrib is-sitt elef arbuxell u sitt elef pjanta oħra flimkien ma’ bosta siġar u sistemi li jiġġeneraw l-elettriku mid-dawl tax-xemx.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rrimarka s-sodisfazzjon tiegħu għat-tlestija ta’ dan il-proġett fil-qalba tal-Marsa. Huwa nnota li deċiżjonijiet tal-passat kienu iebsa mal-poplu Marsi u llum il-Gvern Laburista jemmen fil-Marsa. Hawnhekk bħala eżempju semma l-għeluq tal-powerstation.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tal-Gvern, li jkompli jwettaq aktar spazji miftuħa. Spjega kif il-baġit għas-sena d-dieħla żied l-investiment f’dan is-settur u mistennija jitlestew 19-il proġett ieħor ta’ spazji miftuħa.
Dr Abela saħaq li b’dawn il-proġetti tkun qed titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji, waqt li pajjiżna jkun ta’ kwalità.
Qabel l-inawgurazzjoni tkellmet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli.
Hija qalet, “B’dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni qed nagħtu nifs ġdid lill-Marsa. Dan il-proġett jissimbolizza l-protezzjoni kontinwa li rridu nagħtu lill-ambjent ta’ madwarna.
Ġnien Spencer jirrappreżenta l-impenn tal-ERA li tkompli taħdem u ssaħħaħ il-ħidma tagħha favur il-protezzjoni ambjentali, fil-forom differenti tagħha,” qalet il-Ministru Dalli.
“Wegħedna 40,000 metru kwadru ta’ spazji ġodda miftuħa sal-aħħar tas-sena. Dan huwa t-tielet ġnien li qed niftħu f’temp ta’ tlett ijiem. It-tielet ġnien li qed joffri valur miżjud fil-lokalità li jinsab fiha”, temmet tgħid il-Ministru Miriam Dalli.