Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura dar residenzjali fil-komunità għall-persuni b’diżabilità, Dar Madonna ta’ Pinu f’Għajnsielem b’investiment ta’ €800,000.
Il-Fondazzjoni Arka, li tmexxi din id-dar, xtrat il-propjetà u rranġatha b’investiment ta’ €400,000 biex tkun abitabbli, filwaqt li l-Gvern permezz ta’ Aġenzija Sapport investa €400,000 għal perjodu ta’ tliet snin.
L-investiment tal-Gvern se jkun qed jgħin lill-Fondazzjoni Arka biex tamministra d-dar u tagħti servizz lill-persuni b’diżabilità li se jkunu qed jgħixu f’din id-dar.
Fil-fatt, se tkun qed tilqa’ fiha ħames residenti adulti Għawdxin li huma semi-indipendenti.
Fiż-żjara f’Dar Madonna ta’ Pinu, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-importanza ta’ proġetti bħal dawn, biex persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu fil-komunità.
Dr Abela qal li l-ħajja u s-sehem attiv fil-komunità huma t-triq ’il quddiem biex niżguraw inklużjoni vera. Huwa għalhekk li proġetti bħal dawn se jibqgħu jsibu l-investiment tal-gvern.
Filwaqt li jeħtieġ li nkomplu nibnu djar residenzjali ġodda fil-komunitajiet għal persuni b’diżabilità, qed ninvestu f’aktar servizzi ġodda ta’assistenza personali u skemi li bihom persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja attiva fil-komunità li trabbew fiha.
Fondazzjoni Arka, li tmexxi din id-dar, għandha wkoll żewġ residenzi oħra li huma Dar Arka li toffri servizz residenzjali u respite kif ukoll Dar Ġublew tal-Ħniena li hija wkoll dar residenzjali.
Flimkien mal-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri.