Matul il-ġurnata tal-bieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela żamm laqgħa mal-membri tal-Ġudikatura fil-bini tal-Qorti.
Akkumpanjat mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis, il-Prim Ministru waqt indirizz qasir lil membri tal-Ġudikatura saħaq fuq l-importanza tagħhom bħala membru tal-Ġudikatura fit-tisħiħ tas-Saltna tad-dritt u tenna li dan kollu huwa ferm importanti issa, aktar minn qatt qabel.
Dr Abela rrimarka kif matul din il-leġiżlatura kien hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-membri tal-Ġudikatura u ddeskriva dan bħala pass bżonnjuż u li kellu jsir.
Il-Prim Ministru stqarr li huwa fiduċjuż li l-bidliet li se jkunu qed isiru se jseħħu fi spirtu ta’ Gvern li għandu għal qalbu l-liġi u li jrid jara li dejjem tkun imsaħħa.
Fl-aħħar nett Dr Robert Abela tenna li hemm bżonn li jkun hemm djalogu miftuħ.