“Il-Governanza t-tajba u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ser ikunu l-ewwel prijorità ta’ Gvern immexxi minni.”
Hekk beda l-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela fl-ewwel laqgħa tiegħu f’Kastilja mad-diplomatiċi akkreditati għal Malta li matulha wasslu wkoll l-awguri tagħhom għas-sena l-ġdida lill-membri tal-Kabinett il-ġdid.
F’messaġġ ċar u skjett lill-ambaxxaturi, il-Prim Ministru Abela saħaq li l-governanza t-tajba u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ser ikunu l-ewwel prijorità għalih fit-tmexxija ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-għażla tiegħu ta’ Evarist Bartolo bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin ser tkompli tassigura li Malta tkompli toffri l-id tal-ħbiberija ma’ pajjiżi barranin.
Semma kif qed tingħata importanza lill-kontinent Afrikan u dak Asjatiku hekk kif Malta qed tara li żżid l-isħubija tagħha fuq livelli bilaterali u mulitilaterali.
Dwar il-kwistjonijiet fil-Libja u s-Sirja, il-Prim Ministru Abela tenna l-viżjoni tal-Gvern li għandha tinstab soluzzjoni sostenibbli.
F’din il-laqgħa, il-Prim Ministru Abela tkellem dwar bosta kisbiet li għamlet Malta fejn għal sena oħra rreġistrat bilanċ pożittiv fil-finanzi tagħha, sostniet il-ħolqien tax-xogħol u żviluppat oqsma ekonomiċi ġodda.
Qal li l-2019 kienet ukoll sena li matulha Malta kompliet issaħħaħ id-drittijiet ċivili fejn ġie ikklassifikata l-ewwel fl-Ewropa fil-qasam tal-persuni LGBTIQ. Minkejja dan qal li hemm bosta sfidi quddiemna u sostna li l-liġijiet mhumiex biżżejjed biex jiggarantixxu bidla fis-soċjetà. Semma li l-Gvern qed jaħdem biex iddaħħal leġislazzjoni ġdida dwar l-awtonomija personali li tolqot l-aktar il-persuni b’diżabilità.
Dr Abela żied li jħossu kburi li Malta għamlet progress f’għadd ta’ miri dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-nazzjonijiet magħquda li turi li Malta ġiet kklassifiakta fit-28 fost minn 162 pajjiż. Madankollu qal li jagħraf li hemm bżonn ta’ aktar titjib fl-oqsma kollha. Qal li l-għan tal-Gvern jibqa’ li ħadd ma jaqa’ lura.
Fl-istess laqgħa n-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Erico awgura l-Prim Ministru l-ħidma t-tajba fil-kariga l-ġdida tiegħu.
Assigura li bħalma l-Korp Diplomatiku għamel passi kbar taħt it-tmexxija tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat, issa jħares ’il quddiem sabiex bi privileġġ jservi spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru Abela.
Ritratti: Gareth Degiorgio