Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela bi żjara fil-kumpless ONE.
Dr Abela ltaqa’ mal-ħaddiema kollha ta’ ONE, li bħalissa qed jaħdmu qatigħ sabiex iwasslu l-aqwa xandiriet kemm fuq ir-radju, it-televiżjoni u anki online biex jitwassal il-messaġġ tal-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru anki żar il-Kamra tal-Aħbarijiet.
Waqt li kien qed jindirizza lill-ħaddiema tal-istazzjon, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista tenna kif dan iż-żmien se jkun qed iwassal għal żmien isbaħ għal pajjiżna, wara s-sentejn ta’ sfida ta’ pandemija li għaddejna minnu flimkien mal-kumplament tad-dinja.
Dr Abela enfasizza fuq il-punt li l-Partit Laburista għandu pjan ambizzjuż ħafna, li jkompli fuq it-tajjeb li diġà wettaq il-Partit Laburista fil-Gvern.
Huwa saħaq li hu għalhekk li permezz tal-ħidma kollettiva, l-elettorat Malti u Għawdxi jkun informat bil-pjan li qed jippreżenta l-Partit Laburista.
Pjan, li l-Prim Ministru saħaq li huwa determinat li jwettaq favur il-familji u n-negozji f’pajjiżna.
Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ ONE Jason Micallef wkoll qal li m’għandux dubju li kull ħaddiem ta’ dan l-istazzjon se jkun qed jagħti l-massimu tiegħu u sforz waqt il-kampanja elettorali.
Huwa tenna r-ringrazzjament tiegħu, li minkejja l-iskeda bieżla tal-Prim Ministru, huwa sab il-ħin biex iżur l-istazzjon u jirringrazzja lil kull ħaddiem.
Mill-ewwel mument li Dr. Abela ħabbar id-data tal-elezzjoni, mill-ewwel skattaw programmi speċjali u anke ONE News se jibqa’, bħalma dejjem għamel, jaġġorna bl-aħħar aħbarijiet kemm dawk relatati mal-kampanja elettorali u anke ġrajjiet oħra.