Il-Ħamis filgħaxija beda Kunsill Ewropew virtwali bejn il-Mexxejja Ewropej u qed jitratta l-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19.
Fost oħrajn f’dan il-Kunsill, qed jiġu indirizzati l-isfidi li qed iġibu magħhom varjanti ġodda tal-Covid-19 u ż-żieda fir-rata ta’ infezzjonijiet.
Fl-invit tiegħu għal dan il-Kunsill virtwali Ewropew, il-President tal-Kunsill Charles Michel qal li jixtieq li tiskatta diskussjoni fuq l-aqwa prattiċi għal dawn l-isfiqi għall-ġimgħat li ġejjin.
Michel tenna wkoll il-bżonn li tiżdied r-rata ta’ tilqim tal-vaċċin fl-Ewropa u sostna li din hija prijorità assoluta. Fil-fatt dwar dan, il-President tal-Kunsill Ewropew qal li se jkun qed jitlob parir mill-Kummissjoni Ewropea dwar żieda fil-produzzjoni tal-vaċċin, it-tqassim tiegħu u l-aċċess mill-istati membri għalih.
Intant hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela qed jieħu sehem f’dan il-Kunsill Ewropew virtwali, aktar kmieni l-Ħamis is-sit awtorevoli politico rrapporta dwar ittra li bagħat il-Prim Ministru Robert Abela lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen dwar il-passaport tal-vaċċin.
F’din l-ittra, il-Prim Ministru Malti qal li wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea jkollha sistema kompjuterizzata bejn l-istati kollha li fiha jkun magħruf min huma dawk iċ-ċittadini li tlaqqmu kontra l-Covid-19.
“Li jkollok ċertifikat li ħadt il-vaċċin huwa importanti u għodda għas-saħħa pubblika ta’ kull pajjiż, speċjalment fil-moviment tan-nies bejn il-fruntieri tal-pajjiżi Ewropej”, saħaq il-Prim Ministru Dr Robert Abela.
L-idea ta’ ċertifikat li ħadt il-vaċċin qed tiġi diskussa fl-istess laqgħa virtwali tal-Kunsill Ewropew.
Illejla waqt laqgħa virtwali tal-Kunsill Ewropew kellna diskussjoni dwar l-importanza li tiżdied il-produzzjoni…
Posted by Robert Abela on Thursday, January 21, 2021