“Deċiżiva u impenjattiva.”
Hekk iddeskriva s-sena 2020, il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio, il-Ħadd filgħodu.
Waqt din l-intervista, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka d-deċiżjonijiet ewlenin li kkaratterizzaw din l-aħħar sena sa mill-bidu tat-tmexxija tiegħu.
Semma fost oħrajn il-proċess ta’ ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-qbil fuq il-Prim Imħallef Mark Chetcuti.
“Avukat tal-Istat ġdid. Avukat Ġenerali ġdid. Il-metodu ta’ kif jinħatar semmejt il-Prim Imħallef kif ukoll il-Ġudikatura. Ara kemm għamilna bidliet. Saħħaħna l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.”
Il-Prim Ministru semma wkoll il-bidliet li għamel pajjiżna xprunati mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Moneyval.
“Implimentajna l-bidliet li kienu tressqu quddiemna mill-Moneyval. Infakkar hawnekk snin mill-2012, il-Moneyval tipproponi bidliet f’riformi li kellhom isiru f’pajjiżna. Aħna konnha l-Gvern li dak li ġie mitlub isir implimentajnih. Illum nemmen li qegħdin fit-triq li aħna nissodisfaw dak kollu li talbitna l-Moneyval sabiex din is-sena issa sa ftit tax-xhur oħra jkollna r-riżultat li nixtiequ, l-istess dwar il-Greco.”
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif dan kollu seħħ f’kuntest ta’ pandemija li pparalizzat lid-dinja kollha.
Saħaq kif f’dan iż-żmien dan kien il-Gvern li dejjem bagħat messaġġ ta’ tama u kuraġġ anke permezz tal-miżuri li ħabbar.
Fost oħrajn semma l-għajnuna ta’ miljun ewro li ser tingħata lil dawk li kellhom jagħlqu l-istabbilimenti u l-bars tagħhom.
“Irridu naċċettaw iva hemm min għaddej minn tbatijiet u għaldaqstant l-allokazzjoni ta’ din is-somma se tkun qegħda tgħin biex tnaqqas dawn il-piżijiet.”
Dwar l-immigrazzjoni l-Prim Ministru saħaq kif hawnekk ukoll il-Gvern ħa pożizzjoni b’saħħitha ħafna u li wasslet għal riżultati sbieħ.
Fil-fatt spjega kif dan kien sajf rekord bl-inqas rata ta’ wasliet ta’ immigranti rregolari.
F’dan ir-rigward, Dr. Abela fakkar kif il-Gvern mhux talli ma sabx spalla fl-Oppożizzjoni iżda saħansitra sab min beda jipprova jitfagħhom il-ħabs.
Minn naħa l-oħra dan il-Gvern għen iwassal ftehim kollettiv aħjar għall-Forzi Armati ta’ pajjiżna u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili.
“Mela bil-priġunerija nitkellmu aħna mas-suldati tagħna. Aħna tkellimna bl-aqwa ftehim kollettiv li qatt sar. Is-sens ta’ sodisfazzjon li jkollok huwa meta imbgħad inti tirċievi fost oħrajn irċivejt messaġġ mill-membri tal-P51 tal-Patrol Boat li qalulna “issa fhimna eżatt,” issa għadhom kif irċivew l-ewwel cheque bil-ftehim kollettiv il-ġdid, “issa fhimna eżatt dan il-ftehim kollettiv x’ifisser għalina,” għax apprezzaw iż-żieda kemm kienet u hekk jixirqilhom.”
Intant il-Prim Ministru semma kif l-isfida ewlenija bħalissa hija li jitlaqqmu kemm jista’ jkun nies bil-vaċċin kontra l-Covid-19.
“L-isfida immedjata issa ta’ llum hija li nlaqqmu kemm jista’ jkun mill-poplu tagħna malajr u hemmek diġà bdiet il-ħidma bi pjan kordinat immexxi mid-Deputat Prim Ministru u mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, kruċjali li kemm jista’ jkun jitlaqqmu nies malajr.”
Il-Prim Ministru temm l-intervista tiegħu jitkellem dwar l-importanza tal-għaqda f’pajjiżna.
Saħaq kif din l-għaqda dehret ċara f’din l-aħħar sena li għaddiet fuqna hekk kif kien hemm bżonn ta’ sagrifiċċji u li kulħadd jiġbed ħabel wieħed.
Qal li s-sagrifiċċji saru minn kulħadd għall-ġid tas-soċjetà.
“Dawn l-aħħar xhur kellna poplu li kien maqgħud partikolarment minn Marzu li għadda fejn dik il-pressjoni li ġiet fuq il-pajjiż setgħet kissret pajjiż minflok nemmen li llum għaxar xhur wara qegħdin b’saħħitna bħala pajjiż aktar milli konna f’Marzu li għadda.”