Waqt laqgħa tal-Kabinett fil-Kunsill Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, f’Raħal Ġdid, bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar it-twaqqif tal-Youth Advisory Forum fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li ġie approvat mill-Kabinett tal-Ministri.
Dr Abela spjega li dan il-forum konsultattiv strutturat, li se jiltaqa’ minn tal-inqas darba fix-xahar se jiġbor fih żgħażagħ minn oqsma differenti li b’mod regolari jiġu konsultati dwar temi ta’ importanza nazzjonali u li saħansitra l-Kabinett ikun qiegħed jew se jiddiskuti.
Intqal li fiż-żmien li ġej se jingħataw iżjed dettalji fosthom ta’ meta jiftħu l-applikazzjonijiet wara sejħa pubblika għal min jixtieq ikun parti minn dan il-forum. Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern se jibqa’ jaħdem viċin mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Tul din il-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru flimkien mal-membri tal-Kabinett semgħu liż-żgħażagħ minn diversi setturi tas-soċjeta, fejn tkellmu fuq diversi temi. Fost dawn kien hemm dawk ambjentali, opportunitajiet ta’ xogħol u l-kwalità tal-ħajja.
F’rikarmi waqt din il-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru fisser din il-laqgħa tal-Kabinett maż-żgħażagħ bħala waħda importanti u qal li dan ma kellux ikun eżerċizzju ta’ darba.
Dr Abela sostna li l-Gvern miftuħ għall-ideat taż-żgħażagħ biex kull żagħżugħ u żagħżugħa jwettqu l-ħolma tagħhom.
Il-Prim Ministru nnota kif fil-Kabinett u l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista hemm bosta żgħażagħ li jagħmlu rappreżentanza xierqa taż-żgħażagħ.
Qal li ż-żgħażagħ huma l-aktar li jistgħu jħaddnu t-twemmin ta’ ‘Malta Flimkien’, fejn ma jkunx hemm preġudizzji u flimkien inkomplu nagħtu futur sabiħ lil dan il-pajjiż.