Malta Flimkien ma kinitx sempliċi għajta ta’ kampanja elettorali imma l-mod li bih irrid immexxi fl-ewwel mandat li tani l-poplu Għawdxi u Malti.
Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela beda d-diskors tiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi f’messaġġ lin-nazzjon it-Tnejn filgħaxija, ftit sigħat biss wara li ħa l-ġurament bħala l-erbatax-il Prim Ministru ta’ Malta.
“Malta Flimkien ma kinitx sempliċi għajta ta’ kampanja elettorali. Malta Flimkien huwa l-mod li bih irrid immexxi fl-ewwel mandat li tani l-poplu Għawdxi u Malti biex inservih bħala Prim Ministru. Inħossni mċekken bil-vot b’saħħtu ta’ fiduċja li tajtuni, wara perjodu li matulu pajjiżna, bħall-bqija tad-dinja, iffaċċja numru ta’ sfidi.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru kompla jgħid kif l-għażla li għamel il-poplu hija għażla favur paġna ġdida ’l bogħod minn sentejn xejn faċli li ġabet magħha l-pandemija.
“Filwaqt li nibqa’ nfittex il-parir espert, il-gvern se jkompli fit-triq biex jitneħħew għal kollox ir-restrizzjonijiet. Irridu naslu f’mument fejn kemm jista’ jkun, nadottaw l-istil fejn tkun l-għażla personali tal-individwu dwar kif jemmen li hu l-aħjar jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Il-pandemija ħaditilina wisq! Tfal u żgħażagħ tilfu iktar minn erbgħa u għoxrin xahar mill-isbaħ żmien ta’ ħajjithom. Għalhekk issa rridu nħarsu ‘l quddiem biex inkomplu nieħdu lura l-libertajiet tagħna. Trid tkun din ir-Rebbiegħa li tarana mexjin f’din id-direzzjoni.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela rrimarka wkoll li d-deċizjonijiet li se jieħu Gvern Laburista se jħarsu lejn prijoritajiet u standards ġodda bil-futur ta’ wliedna u l-ġenerazzjonijiet futuri l-ħin kollu quddiem għajnejh.
Irrimarka wkoll is-sodisfazzjon tiegħu għal mod ta’ kif tmexxiet il-kampanja elettorali. Kampanja ffukata fuq l-ideat, il-kredibbiltà u l-kompetenza.
“Rajna li f’Malta l-parteċipazzjoni f’għażla ta’ elezzjoni ġenerali tibqa’ fost l-iktar b’saħħithom fl-Ewropa. Iżda żgur li rridu nagħtu ħafna każ ta’ dawk li ddeċidew li ma jivvotawx f’din l-elezzjoni. Lilkom ukoll se nitlob iċ-ċans li nservikom u se naħdem biex il-klassi politika tikseb mill-ġdid il-fiduċja tagħkom. Biex darb’oħra tħossukom komdi tmorru tagħżlu lil min tixtiequ fit-tmun tal-pajjiż.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li minkejja lkoll niġu minn sfond differenti, bħala Maltin għandna diversi valuri komuni.
Temm jgħid li fuq kollox issa għandha tittieħed l-opportunità biex flimkien inġeddu lil pajjiżna.
“Ejja nkomplu dan il-vjaġġ flimkien!! Dan hu vjaġġ fejn ma nkunux wasalna qabel kull ċittadin iħossu apprezzat u rispettat. Din se tkun l-attitudni tal-gvern immexxi minni fil-ħames snin li ġejjin. Legalment il-ġurament li ħadt illum huwa ħalfa fuq il-kostituzzjoni, imma f’qalbi u f’moħħi huwa l-kelma li għamilt magħkom, li tajt lilkom, biex immexxi għalikom. Għawdxin u Maltin. Flimkien. Il-futur sabiħ.”
il-Prim Ministru Robert Abela