Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Brussell għal summit tal-Kunsill Ewropew. Summit li beda proprju llum u mistenni jkomplu anke tul il-ġurnata tal-Ġimgħa, hekk kif fih mistennija jiġu diskussi l-aħħar żviluppi tal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna u wkoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.
Dan anke fid-dawl tal-appell minn erba’ pajjiżi, inkluża Malta, li f’ittra formali talbu lill-Kunsill Ewropew jaġixxi għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza.
F’kumment proprju qabel beda dan is-summit importanti, il-Prim Ministru Malti tenna li se jkun qed jappella għall-konsistenza.
Qal, “Dik il-grinta li wrejna u l-pożizzjonijiet ċari li kkundannajna l-provokazzjoni u l-attakki inġusti mir-Russja fuq l-Ukrajna, issa rridu nkunu wkoll konsistenti u dik l-istess pożizzjoni nieħduha fuq livell Ewropew sħiħ fil-konfront ta’ dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani.”
Dr Abela sostna wkoll li hu se jkun qed jappella għal waqfien permanenti mill-ġlied.
Qal, “Se nerġa’ nagħmel l-appell kategoriku tiegħi għal ceasefire, li jkollna waqfa permanenti mill-ġlied. Mhemm ebda soluzzjoni oħra ngħidu x’ngħidu ħlief waqfa permanenti mill-ġlied u mhux insibu soluzzjonijiet tan-nofs biex forsi ma nirfsux kallu jew ieħor. Qed jintilfu eluf ta’ ħajjiet innoċenti.”
Fuq l-aġenda ta’ dan is-summit hemm ukoll ir-reviżjoni tal-Baġit Ewropew u temi oħrajn bħas-sigurtà u d-difiża.
Intant fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li waqt dan is-summit irid jingħata appoġġ mhux biss lill-Ukrajna, imma wkoll lil-Lvant Nofsani, reġjun fejn l-atroċitajiet għadhom iseħħu.
Dr Abela tenna wkoll li l-appell ta’ Malta għall-paċi huwa konsistenti u japplika għal kull konflitt.
Sadanittant, ilbieraħ fi Brussell stess, il-Prim Ministru Robert Abela attenda u indirizza summit bejn il-mexxejja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Balkani tal-Punent li matulu enfasizza dwar il-ħtieġa ta’ għaqda u solidarjetà bejn il-pajjiżi membri, fid-dawl tal-kuntest ġeo-politiku.
Il-Prim Ministru Abela sostna li, mingħajr ebda dubju, il-futur tal-Balkani tal-Punent hu fl-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, fost it-temi diskussi matul dan is-summit kien hemm kif is-sħab tal-Balkani tal-Punent jistgħu jiġu integrati b’mod gradwali fl-Unjoni Ewropea u kif se jitnaqqas l-impatt li qed tħalli l-Gwerra fl-Ukrajna fuq ir-reġjun.
Dr Abela qal li issa hu ż-żmien li nkomplu ninċentivaw ir-riformi meħtieġa biex dawn il-pajjiżi jkomplu t-tħejjijiet tagħhom biex fil-futur jissieħbu fl-Unjoni. Dan anke għax iċ-ċittadini Ewropej u dawk tal-Balkani tal-Punent, għandhom bil-bosta x’jiggwadanjaw minn din l-integrazzjoni.
Fil-fatt, fi tmiem is-summit ġiet iffirmata dikjarazzjoni li, permezz tagħha, is-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jintrabtu jimxu magħha. Id-dikjarazzjoni tara fost l-oħrajn li jkun hemm impenn politiku u strateġiku, pjan ta’ tkabbir li jwassal għall-integrazzjoni, kif ukoll Campus tal-Kulleġġ tal-Ewropa f’Tirana li jservi ta’ opportunità għal studenti Ewropej biex jistudjaw fil-Balkani tal-Punent.
Fl-aħħar aġġornament minn Brussell, ONE News huwa infurmat li l-Kunsill beda jiddiskuti l-għajnuna finanzjarja ta’ ħamsin biljun ewro mifruxa fuq erba’ snin lill-Ukrajna, b’uħud mill-mexxejja jisħqu li l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka fuq prijoritajiet oħrajn, bħall-immigrazzjoni.
Diskussa wkoll jekk għandhomx jinfetħu n-negozjati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea tal-Ukrajna u l-Moldova, u waqt li għall-ewwel kien hemm nuqqas ta’ qbil, fl-aħħar ħinijiet il-mexxejja Ewropej approvaw li jibdew in-negozjati għas-sħubija tal-istess żewġ pajjiżi.
Matul dan is-summit, ftit qabel il-ftehim, ingħaqad ukoll, b’mod virtwali, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, li appella lill-mexxejja Ewropej f’dan ir-rigward.
Is-summit ikompli għada, b’aktar temi fuq l-aġenda, fosthom is-sigurtà u d-difiża.