Fil-jum tal-Ħamis, il-Prim Ministru Robert Abela attenda għall-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell u li ser ikun maqsum fuq jumejn.
Summit li l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, iddeskrivieh bħala wieħed li ser jiffoka fuq il-kapaċità tal-Ewropa sabiex tfassal id-destin tagħha.
Il-Prim Ministru Abela wasal Brussell il-Ħamis waranofsinhar fejn hemmhekk kien milqugħ mill-bqija tal-mexxejja Ewropej qabel il-bidu tas-summit.
Il-Mexxejja Ewropej mistennija jittrattaw l-ewwel ir-relazzjonijiet tal-Ewropa maċ-Ċina. Fil-fatt dwar dan, Michel sostna li l-Ewropa trid taħdem id f’id maċ-Ċina dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 u t-tibdil fil-klima.
Dan filwaqt li l-Ewropa ser tiffoka fuq l-insistenza tagħha dwar relazzjoni ekonomika iktar bilanċjata u reċiproka maċ-Ċina.
Minn hawnhekk id-diskussjonijiet ser jimxu għas-sitwazzjoni fil-Belarus, l-avvelenament tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russu Alexei Navalny u l-kunflitt fuq ir-reġjun tal-Nagorno-Karabakh bejn il-qawwiet tal-Azerbajġan u l-Armenja.
Aktar tard ser jiġu trattati suġġetti oħra ta’ importanza fosthom ir-relazzjoni tal-Ewropa mat-Turkija u s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran.
Hawnhekk Michel spjega li l-għan tal-Ewropa huwa li toħloq spazju għal djalogu kostruttiv mat-Turkija u li jwassal għal aktar stabbiltà u sigurtà fit-reġjun.
Charles Michel qal: “We want more productivity, we want more stability in this region. We want also to demonstrate our concrete solidarity with Greece and with Cyprus. It’s important for us to be engaged. We are ready to be engaged. Different options are on the table and I want the occasion to say clearly what we want a future for the EU and this part of the world.”
Id-diskussjonijiet matul il-jum tal-Ġimgħa ser jiffukaw fuq is-suq waħdieni, il-politika industrijali u t-trasformazzjoni diġitali.
Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni wkoll ser tkun qed tiġi diskussa f’dan is-summit. Dan fid-dawl li ftit tal-jiem ilu l-Kummissjoni Ewropea ħabbret patt ġdid dwar l-immigrazzjoni u fi żjara uffiċjali ta’ Michel f’Malta, il-Prim Ministru Malti kien qallu li pajjiżna ma jiflaħx għal iżjed wasliet ta’ immigranti.
Qabel attenda għal dan is-summit il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ wkoll mal-mexxejja ta’ Partit Soċjal-Demokratiċi Ewropew fi Brussell stess bi tħejjija għal dan il-Kunsill Ewropew.