Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-faċilità korrettiva ta’ Kordin fejn irringrazzja lill-uffiċjali korrettivi li ħallew lill-familji tagħhom sabiex joffru ħidmiethom bil-għan li jikkontrollaw l-imxija tal-Covid-19 fil-faċilità.
Il-Prim Ministru wera l-gratitudni tiegħu lejn it-tmexxija tal-Faċilità u rringrazzja lill-ħaddiema għall-atmosfera pożittiva bejniethom kif ukoll mar-residenti. Dr Abela qal li hija din is-sinerġija li toħloq ambjent trankwill bejn l-uffiċjali u r-residenti.
Id-Direttur Ġenerali tal-Faċilità Korretiva ta’ Kordin laqa’ l-kummenti pożittivi tal-Prim Ministru u saħaq li l-Faċilità għandha tkun ta’ mudell għal istituzzjonijiet oħra, abbażi ta’ tmexxija u ta’ dixxiplina.
Waqt iż-żjara il-Prim Ministru tkellem ma’ diversi uffiċjali korrettivi li jaħdmu f’aspetti differenti u wera l-apprezzament tiegħu għad-dedikazzjoni li joffru dawn il-ħaddiema.
Il-Prim Ministru għadda wkoll kelma ta’ kuraġġ u tama lir-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri.