Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fit-Tuneżija għal-laqgħat bilaterali mal-President tat-Tuneżija Kais Saied u l-Prim Ministru tat-Tuneżija Najla Bouden.
Il-Prim Ministru Malti mistenni jibda b’taħditiet fil-Palazz Presidenzjali mal-President Saied f’Kartaġni, ftit ’il barra mill-kapitali Tuneżina, imbagħad ikompli b’aktar taħdidiet f’Tuneż mal-Prim Ministru Bouden.
Din hija l-ewwel żjara uffiċjali tal-Prim Ministru Abela f’dan il-pajjiż fl-Afrika ta’ Fuq fejn id-diskussjoni mistennija tkun fuq aktar koperazzjoni ekonomika, l-enerġija u l-immigrazzjoni.
Dawn it-taħditiet bilaterali mill-Prim Ministru Robert Abela jsegwu laqgħat oħrajn li kellu fl-aħħar ġimgħat fosthom f’Ruma mal-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni u fi Tripli mal-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibah.
Fl-aħħar żewġ żjarat, Malta mal-Italja u anki mal-Libja tkellmu fuq l-importanza ta’ koperazzjoni ekonomika u dwar l-enerġija rinnovabbli u l-indirizzar kompressiv dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Mal-Libja, Malta ffirmat ftehim dwar proġett ta’ interkonnessjoni li jissuplixxi provvista ta’ enerġija rinnovabbli.
Il-Prim Ministru Robert Abela b’mod konsistenti rrimarka għall-pożizzjoni ta’ Malta, anki fl-aħħar Kunsill Ewropew fi Brussell li sar fl-aħħar ta’ Ġunju, li l-Ewropa trid tħares li tindirizza l-immigrazzjoni mhux f’nofs ta’ baħar iżda fil-post tat-tluq.
Dan għandu jsir ukoll b’koperazzjoni ekonomika ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq biex persuni ma jħossux li għandhom jitilqu mix-xtut fl-Afrika ta’ Fuq.
Fl-aħħar ġimgħat, il-President tat-Tuneżija Kais Saied kellu laqgħat mal-Prim Ministru Taljan Meloni, mal-Prim Ministru Olandiż Rutte, mal-Kanċillier Ġermaniż Scholz u mal-President tal-Kummissjoni Ewropea von der Leyen.