Illejla, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela kompla jiltaqa’ man-nies u l-familji, din id-darba fi żjara fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien.
F’messaġġ, li wassal, tenna kif id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju li ġej hi għażla ta’ x’tip ta’ Ewropa u x’tip ta’ Malta rridu għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.
Il-Prim Ministru qal li hu importanti li n-nies jibqgħu jibagħtu dan il-messaġġ b’saħħtu u pożittiv għas-saħħa lill-Maltin u t-Tarxiniżi kollha.
Waqt li fakkar fil-kullana ta’ proġetti li saru f’dan ir-raħal fosthom Joanne Gardens, tenna wkoll li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jitħabbar proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ Ħal Tarxien u restawr tal-faċċata tal-Knisja ta’ Marija Annunzjata.
Dr Abela qal li l-Partit Laburista għandu manifest elettorali partikolari għal Ħal Tarxien ukoll, li twieled mill-ideat tan-nies, u li l-enerġija ta’ dan il-moviment tiġi mill-entużjażmu ta’ kull persuna fis-soċjetà.
Temm jenfasizza li m’għandniex inħallu lil ħaddieħor jieħu r-ridni f’idejh, għax l-establishment Nazzjonalista jrid biss li jgawdi hu u ma jimpurtahx mill-poplu.