Waqt laqgħa li l-Prim Ministru Robert Abela kellu mal-Unjin tal-ħaddiema tax-xatt huwa stqarr li japprezza x-xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema u jemmen fl-importanza tagħhom mhux biss għaliex kif spjega, nannuh kien ukoll ħaddiem liċenzjat tax-xatt, iżda għaliex konvint bl-importanza tal-irwol kruċjali ta’ dawn il-ħaddiema. Huwa innota kif f’dawn l-aħħar ġimgħat kienu kruċjali bis-servizz li taw lil pajjiż li dejjem ingħata b’dedikazzjoni mill-ħaddiema. Innota wkoll b’sodisfazzjon kif ir-rata tal-korrimenti fix-xogħol m’hix waħda daqstant għolja meta tqis il-periklu kbir li hemm assoċjat ma’ dan ix-xogħol.
Il-Prim Ministru Abela saħaq li ser ikun qed jara li l-ħaddiema tax-xatt jibqgħu protetti mil-liġi.
“Nieħu pjaċir ħafna b’din iż-żjara, żjara ta’ ħbieb, ta’ ħbieb antiki, u inħares il-quddiem, issa fil-kariga differenti, li nibqa’ nara l-figura tal-ħaddiem liċenzjat tax-xatt protetta mil-liġi wkoll imma li tibqa wkoll tevolvi maż-żminijiet u s-settur jibqa’ wieħed b’saħħtu.”
Huwa ddefinixxa l-unjin tal-ħaddiema tax-xatt bħala waħda responsabbli li tħares lejn l-interessi mhux biss tal-ħaddiema tagħhom iżda li ssib bilanċ mal-interessi oħrajn fis-settur.
Il-President tal-Malta Dockers’ Union, Ryan Fava stqarr kif f’dawn l-aħħar jiem tal-pandemija il-ħaddiema tax-xatt baqgħu jitħallsu l-paga tagħhom b’mod normali anke jekk ix-xogħol naqqas xi ftit.