Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew għal Sħubijiet Internazzjonali Jutta Urpilainen. Fil-laqgħa ġew diskussi temi marbuta ma’ partnerships internazzjonali tal-Unjoni Ewropea, u l-potenzjal li jipparteċipaw u jieħdu sehem attiv fil-proġetti li qed joħorġu minnhom anki n-negozji Maltin.
F’dan ir-rigward il-Kummissarju Ewropew għamlet referenza għall-inizjattiva Global Gateway u dawk imsejħa bħala Flagship projects li qegħdin jitfasslu b’budget ta’ €150 biljun. Budget immirat li jgħin u jixpruna wkoll investiment privat f’pajjizi inqas żviluppati biex b’hekk ikun hemm wkoll benefiċċji għall-Unjoni Ewropea. Minn dawn il-€150 biljun, madwar żewġ terzi minnhom huma diġà allokati għal aktar minn 200 proġett li qed isiru fl-Afrika u partijiet oħra tad-dinja f’proġetti tas-saħħa, teknoloġija diġitali, enerġija ħadra, edukazzjoni u trasport. Hu maħsub li parti minn dawn il-fondi jkunu riservati għal intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, u f’dan l-isfond, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-importanza li jkun hemm skambju ta’ informazzjoni ma’ negozji Maltin.
Fl-isfond tat-tensjoni fil-Lvant Nofsani, il-Prim Ministru u l-Kummissarju Ewropew tkelllmu ukoll dwar l-impatt ta’ din l-eskalazzjoni fuq il-ġarr tal-merkanzija, bil-Prim Ministru Robert Abela jirrimarka kif kemm interruzzjonijiet fir-rotot tal-baħar għandhom riperkussjonijiet fuqna bħala pajjiż li jiddependi mill-importazzjoni bil-baħar. Preżenti għal-laqgħa f’Kastilja kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg u l-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Glenn Micallef.