Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fil-Libja fejn mistenni jiltaqa’ mal-Prim Ministru l-ġdid Libjan Abdul Hamid Dbeibah.
F’din il-laqgħa, il-Prim Ministru Malti flimkien ma’ dak Libjan mistennija jiddiskutu l-immigrazzjoni fir-reġjun tal-Mediterran.
Din se tkun l-ewwel darba laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja, hekk kif fi Frar li għadda, Dbeibah ġie elett bħala Prim Ministru Libjan biex imexxi Gvern tranżitorju qabel l-elezzjoni ġenerali li se ssir f’Diċembru li ġej.
Il-Prim Ministru Malti mistenni jkollu laqgħa wkoll mal-President Libjan Mohamed al-Menfi.
Din iż-żjara tal-Prim Ministru Robert Abela ssegwi ż-żjara li għamel il-Ħadd, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.
Hawnhekk, il-President tal-Kunsill Ewropew qal kif l-Unjoni Ewropea se tgħin lil dan il-pajjiż.
Ġie miftiehem li sal-aħħar ta’ April se tkun qed terġa’ tinfetaħ ambaxxata fil-Libja tal-Unjoni Ewropea.
Flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela fil-Libja hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.
Bħalissa fil-Libja għaddejjin b’diskussjonijiet dwar l-immigrazzjoni fir-reġjun tal-Mediterran fost temi oħra ta’ interess nazzjonali.
Posted by Robert Abela on Monday, April 5, 2021