Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Brussell għal żewġ summits importanti, wieħed bejn il-Mexxejja tal-Istati Membri u tal-Balkani tal-Punent u l-ieħor tal-Kunsill Ewropew.
Is-Summit bejn il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea u tal-Balkani tal-Punent qed isir sena wara s-summit tal-2022 f’Tirana l-Albanija, meta dakinhar iddiskutew temi bħall-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna, it-tisħiħ tas-sigurtà u r-reżiljenza kontra indħil barrani, l-enerġija, l-immigrazzjoni u l-importanza tas-sħubija u koperazzjoni strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Balkani tal-Punent.
Is-Summit tal-lum se jservi ta’ opportunità biex tiġi affermata mill-ġdid il-perspettiva tas-sħubija fl-UE tal-Balkani tal-Punent kif ukoll il-ħtieġa li l-Balkani tal-Punent jitqarrbu lejn l-UE u javvanzaw fl-integrazzjoni gradwali.
Min-naħa l-oħra, il-Kunsill Ewropew tal-Ħamis u l-Ġimgħa se jiffoka fuq l-aħħar żviluppi tal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani fid-dawl anke tal-appell ta’ erba’ pajjiżi, inkluż Malta, li f’ittra talbu lill-Kunsill Ewropew biex jitlob għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza. Fuq l-aġenda ukoll ir-reviżjoni tal-budget Ewropew u temi oħra bħas-sigurtà u d-difiża.