Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Brussell hekk kif se jattendi għal summit tal-Kunsill Ewropew, li se jsir bejn illum u għada.
Fuq l-aġenda tas-27 mexxej Ewropew hemm il-kompetittività, is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u d-difiża fl-Ewropa.
F’ittra qabel dan is-summit, il-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa qal li dwar il-kompetittività, l-Unjoni għandha tmexxi ’l quddiem fis-simplifikazzjoni, l-enerġija u l-investiment.
Ma’ dan is-suġġett, hemm ukoll is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u d-difiża fil-kontinent Ewropew, li ġew diskussi fl-aħħar summit speċjali tal-Kunsill Ewropew, li sar aktar kmieni dan ix-xahar.
Fl-aħħar summit, il-Prim Ministru Malti Robert Abela sostna li hu ma jemminx li l-armi u l-gwerra huma s-soluzzjoni biex ikun hemm il-paċi fl-Ewropa.
Dan fid-dawl ta’ pjan tal-Unjoni Ewropea, imsejjaħ ‘ReArm Europe’, li se jara li €800 biljun fuq l-erba’ snin li ġejjin imorru biex jissaħħu l-armamenti.
B’Dr Abela jsostni li Malta mhux se tagħmel l-ebda użu minn dawn il-fondi. B’dan anki jkun sostnut f’punt tmienja tal-aħħar konkluzzjonijiet tal-Kunsill Ewropew.
Sadanittant fuq il-pjattaforma X, il-Prim Ministru sostna li dawn id-diskussjonijiet importanti jinkludu l-kompetittività, il-migrazzjoni, l-Ukrajna, id-difiża, fost oħrajn.
Tenna li din se tkun qed tiżgura li l-prijoritajiet ta’ Malta jinstemgħu fuq il-mejda Ewropea.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll il-baġit Ewropej għas-seba’ snin li ġej, ta’ bejn l-2028 u l-2034.