Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Brussell għal summit speċjali tal-Kunsill Ewropew wara li f’Diċembru li għadda ma kienx intlaħaq qbil unanimu mill-Mexxejja Ewropej dwar ir-reviżjoni tal-Baġit Ewropew magħruf bħala l-Multi-Annual Financial Framework 2021 – 2027.
Fl-aħħar Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru, id-diskussjonijiet dwar din ir-reviżjoni ma kienu wasslu mkien hekk kif il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban kien telaq matul in-negozjati minħabba nuqqas ta’ qbil dwar l-għajnuna finanzjarja lill-Ukrajna. Ir-reviżjoni fil-Baġit Ewropew jirrikjedi l-unanimità tas-sebgħa u għoxrin stat membru, għaldaqstant, it-tluq ta’ Orban mis-summit fisser li ma setgħetx tiġi konkluża din ir-reviżjoni.
Ir-reviżjoni tal-Baġit Ewropew kellha ssir minħabba sfidi mhux mistennija kawża tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19. Ir-reviżjoni tinkludi l-ħolqien ta’ Faċilità għall-Ukrajna ekwivalenti għal għajnuna finanzjarja ta’ €50 biljun biex tipprovdi stabbiltà fit-tul lill-Ukrajna u ħtiġijiet urġenti oħra bħall-migrazzjoni.
Fuq l-aġenda wkoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani hekk kif il-ġlied bejn l-Iżrael u l-Palestina għadu għaddej.
Is-summit mistenni jiġi fi tmiemu llejla, b’aktar aġġornamenti mistennija fil-ħin illi ġej.
Arrived in Brussels for the special #EUCO summit. Discussions will focus on the mid-term review of the financial framework and the Middle East. Malta’s call for peace and security remains, as stability in Europe is key for our country and the rest of the region. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) February 1, 2024