B’dak li niddeċiedu llum irridu nassiguraw li ma jgawdux biss in-nies tal-lum, iżda jgawdu wliedna għada.
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela meta indirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA.
Dr Abela tkellem fuq bidliet importanti akkumpanjati minn deċiżjonijiet strateġiċi f’industrija li għandha rwol fit-tranżizzjoni ekonomika li għaddej minnha pajjiżna.
Il-Prim Ministru tenna li l-qalba ambjentali tista’ toffri xita ta’ opportunitajiet għall-investitur daqskemm għall-pajjiż u aċċenna kif is-serjetà u l-kontabilità jaħdmu id f’id.
Hawnhekk hu semma kif ir-riforma tal-liċenzjar tal-kuntratturi hi bidla maħsuba u li toffri aktar serħan il-moħħ.
Semma wkoll il-bini effiċjenti fl-enerġija, fosthom proġetti ta’ Project House u l-Iskola Primarja tan-Nadur, żewġ proġetti li ħadem il-Gvern f’dan il-qasam.
L-innovazzjoni u l-ħiliet kien punt ieħor importanti fejn saret enfasi fuq l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema u fit-teknoloġija u makkinarju modern li jgħinu lkoll fil-qalba produttiva bbażata fuq il-kwalità.
Fuq din tal-aħħar il-Prim Ministru qal li pajjiżna llum għandu l-lussu li, flok iħares lejn in-numri, iħares lejn il-kwalità. Dr Abela qal li l-Gvern irid jibqa’ jiffaċilita dawn il-bidliet billi jkompli jagħti ċ-ċertezza u l-istabbiltà.
Irrimarka li s-serjetà u l-kontabilità m’għandhomx ifissru burokrazija, iżda jinċentivaw u jiffaċilitaw aktar proġetti b’għanijiet marbutin mal-prijoritajiet li għandu l-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA Michael Stivala tenna li din l-industrija hi importanti għal pajjiżna u faħħar l-impenn tal-Gvern li baqa’ jkun ta’ spalla għan-negozji u l-familji billi kompla bil-politika tiegħu ta’ stabilità.