Il-Prim Ministru Robert Abela kompla bl-impenji tiegħu fi New York, fejn qed tiltaqa’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, billi kellu wkoll laqgħat bilaterali.
Akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-Prim Ministru tal-Georgia Irakli Garibashvili fejn ġew diskussi diversi temi ta’ interess għaż-żewġ pajjiżi. Laqgħa bilaterali oħra saret ma’ Xavier Espot Zamora, il-Prim Ministru ta’ Andorra.
Fiż-żewġ laqgħat bilaterali kienu diskussi r-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ dawn il-pajjiżi, l-Unjoni Ewropea, il-kunflitti li għaddejjin bħalissa fid-dinja internazzjonali anke fid-dawl tal-irwol ta’ Malta bħala membru fuq il-Kunsill tas-Sigurtà.
Il-Prim Ministru attenda wkoll esebizzjoni fotografika ffokata fuq il-qerda ta’ wirt kulturali, li jġibu magħhom ċerti kunflitti, fil-preżenza tal-Prim Ministru tal-Albanija Edi Rama, tal-President tal-Portugall Marcelo Rebelo De Sousa u mart il-President tal-Ukrajna, Olena Zelenska.
L-esebizzjoni tiffoka fuq il-ħtieġa ta’ solidarjetà internazzjonali anke biex ikun imħares wirt kulturali li ladarba jintilef ma jerġax jinġieb lura.