Ma nistax ma ninnotax l-entużjażmu ġenwin fil-Prim Ministru Robert Abela. Nitkellem bħala ċittadin bħalkom li nħoss l-enerġija li jitfgħu l-politiċi ta’ kuljum.
Ikun hemm uħud li jagħtu stampa ta’ pożittività imma jkunu qed jaħbu aġenda oħra. Dan mhux il-każ għall-Prim Ministru Abela. Inkwieta meta l-pandemija refgħet rasha u donnu kien hemm min hu mgħomi biżżejjed biex jinfexx jgħajru bħal donnu kienu hu li ġabha. Imma min hu ġenwin, jinnota u japprezza l-ħidma bla waqfien mill-gvern immexxi minn Robert Abela u t-tim formidabbli tiegħu biex il-pandemija tkun ikkontrollata u ħadd ma jaqa’ lura.
Ninnota l-grinta ġenwina fi kliemu meta jindirizza l-pubbliku fid-diskorsi tiegħu. Mhuwhiex Prim Ministru li basta jidher u jgħid xi ħaġa; huwa Prim Ministru li qed iwettaq. Mhux se noqgħod ngħid li kellu magħmudija tan-nar għax dan nafuh. Imma kulħadd fid-dinja jgħix. Faċli tikkritika. Imbagħad kieku tkun int f’pożizzjoni, tiġġustifika.
F’ġieħ is-sewwa, kif nista’ ninsa Gvern li ħa ħsieb jagħti l-benefiċċji kollha li nafuhom sew issa, anke meta kellna noqogħdu fi djarna.
Kif nista’ ninsa Gvern, li baqa’ għaddej bi proġett wara l-ieħor anke meta ħaddieħor kien jinħela jsib ix-xagħarha fl-għaġina għax m’għandu xejn x’jagħmel ħlief jipprova jiskurja xi gowl politiku u jmaqdar apposta ħalli jiżra’ n-negattività.
Kif nista’ ninsa Gvern li reġa’ ħabbar €20 miljun f’għajnuna għan-negozji. Kif nista’ ninsa Gvern li ta flok ħa mill-but tiegħi.
Kif nista’ ninsa Gvern li ħa passi biex itejjeb is-sistema Ġudizzjarja ta’ pajjiżna, dan waqt pandemija meta pajjiżi oħra kienu mheddijin biss fuq kif se jikkontollaw l-imxija. U l-lista ma tiqafx. Qed insemmi biss ftit.
Kif nista’ Gvern li lili ma jaranix dubbien u li jtini vuċi meta hemm bżonn.
Iva nifraħ li f’Jum il-Ħaddiem l-Gvern Laburista qed ikun hemm verament ta’ tarka għal kulħadd. Ma naf bl-ebda episodju meta l-Prim Ministru ntalab jaħseb fuq nuqqas u m’għamlux b’integrità.
Ma ninsiex anqas il-Gvern li jgħid li huwa konxju ta’ iktar tbatijiet f’pajjiżna u li se jkompli jibqa’ jaħdem biex ikun ta’ spalla għal dawn il-persuni. U dan nemmnu, għax għextu. Huwa differenti minn żmien ieħor fejn konna nkunu mwiegħda li se jisimgħuna u ma semgħuna qatt jew lagħbu bil-kliem.
Il-ġenwinità tal-Prim Ministru ġġiegħelni nemmen f’Malta ta’ għada, f’Malta li se toħroġ iżjed b’saħħitha wara l-pandemija. U jekk dan iseħħ, li m’għandix l-iċken dubju fuqu, se jseħħ għalina kollha, mhux għal-laburisti biss. Ikun għajb għal min jikkritika biss biex sempliċiment ikun qed jikkritika. Meta tikkritika, offri soluzzjoni. Imma donnu sa issa, minn dawn ma tantx qed naraw mill-PN. Hemm min hu ġenwin ukoll iva, għaliex dejjem nitkellem id-dritt. Imma għad mhux biżżejjed.
Meta Robert Abela jitkellem b’entużjażmu, tista’ tgħarbel li huwa entużjażmu ġenwin; ta’ bniedem li jrid lil pajjiżna jimxi ‘l quddiem. Dan ninnotah u kif!