L-għaqda hija kruċjali u ma nistgħux inħallu l-aħmar u l-blu jifirduna. Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela f’attività politika f’Tas-Sliema l-Ħadd filgħodu, fejn qal ukoll li żmien il-pandemija kompla joħroġ l-importanza ta’ dan il-valur.
Stqarr li dan il-Gvern irid ikun viċin in-nies u jgħin lil kulħadd filwaqt li jżomm saqajh mal-art. Spjega wkoll kif f’pajjiżna kulħadd irid jaħdem flimkien f’għaqda sħiħa għal ġid ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal, “L-importanza li naħdmu bħala tim, tim wieħed u tim magħqud. Tim Malta. Tim Malta ma jfissirx dawk li jimmilitaw biss fil-Partit Laburista, lanqas ifisser dawk li jimmilitaw fil-moviment. Dawk li għandhom għal qalbhom l-interessi ta’ dan il-pajjiż.”
Huwa qal kif ma nistgħux inħallu l-għamad tal-kulur politiku ixekkel id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu għal pajjiżna, u li fejn sejrin tajjeb bħala pajjiż irridu niċċelebrawh, iżda rridu nindirizzaw in-nuqqasijiet.
Il-Prim Ministru Abela sostna: “Dan il-messaġġ ma jridx ikun messaġġ li jkun rilevanti biss meta toqrob elezzjoni ġenerali imma dan irid ikun it-tema li tmexxina tul il-leġiżlatura kollha. Li nkunu Gvern, moviment miftuħ għal kulħadd, Gvern li jgħin lil kulħadd, Gvern li jifhem il-bżonnijiet tan-nies, il-weġgħat tan-nies. Li niċċelebraw flimkien fejn sejrin tajjeb imma li ma nħallux l-għamad tal-kulur politiku jdaħħalna f’deċiżjonijiet żbaljati.”
Il-fondi li daħlu mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, u l-fondi rekord mill-Unjoni Ewropea se jkunu kruċjali għal dan iż-żmien. Dan il-Gvern dejjem kien bil-għaqal u żamm biżżejjed għall-maltemp, u malli wasal żmien diffiċli, pajjiżna kien lest.
Il-Prim Ministru nnota kif madankollu, fejn kien hemm punti dibattibbli dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, il-Gvern ma kienx supperv u ra fejn hemm x’jittranġa. Illum dan il-programm ser isir wieħed iżjed rigoruż.
Dr Abela saħaq: “Huwa kruċjali illi f’mument illi rridu nerġgħu nibnu dan il-karus għat-tfal u għat-tfal tagħna, għall-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu f’dan il-pajjiż, li flimkien quddiem il-Kummissjoni Ewropea mmorru b’vuċi waħda. Vuċi li dan il-programm huwa difensibbli, li għamel ħafna u ħafna ġid u li iva jirrispetta l-valuri ewlenin li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea.”
Il-Prim Ministru qal li l-politika ta’ konverġenza trid titħaddem ukoll dwar il-problema tal-immigrazzjoni, li tista’ terġa’ tgħolli rasha u għalhekk huwa kruċjali li jkollna pożizzjoni waħda flimkien mal-Oppożizzjoni.
Innota kif in-nies għandhom għajta waħda, li pajjiżna ma jiflaħx iżjed piż mill-immigrazzjoni. Innota kif pajjiżna ħadem biex inaqqas il-wasliet, filwaqt li jkollna r-rilokazzjonijiet.
Il-Prim Ministru Abela tenna: “Partikolarment meta qed nitkellmu f’fora internazzjonali jkollna vuċi waħda fuq dan is-suġġett. Nafu daqskemm hija sensittiva l-kwistjoni tal-pandemija, jiġu xhur oħra u dan is-suġġett jerġa’ jitla’ fuq quddiem nett tal-aġenda tal-pajjiż, u importanti hemmhekk li jkollna pożizzjoni waħda, vuċi waħda.”
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll miżuri li tħabbru din il-ġimgħa biex tkun ikkontrollat l-pandemija, miżuri li għal darb’oħra kienu bbażati fuq il-bilanċ. Temm jgħid li pajjiżna qed iżomm il-ħajja għaddejja, iżda l-festi tal-Karnival ma għandhomx ikunu l-kaġun ta’ żieda fir-rata ta’ infezzjonijiet.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/01/31/hdimna-biex-pajjizna-ngibuh-fejn-jixraqlu-il-pm/