Il-Prim Ministru Robert Abela, waqt żjara li għamel fi Pjazza Madonna ta’ Fatima f’Tal-Pietà, tkellem dwar l-għadd ta’ esperjenzi li qed jiltaqa’ magħhom f’din il-kampanja elettorali, bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
F’diskors qasir, Dr Abela semma waħda mill-aktar riformi ambizzjużi li wettaq il-Gvern, dik tal-kirjiet ta’ qabel l-1995, fejn qal li issa hemm aktar serħan il-moħħ għall-inkwilini, għax qed jagħmel tajjeb għaż-żidiet fil-kirjiet.
Il-Prim Ministru ħeġġeġ lil dawk fil-folla biex fit-tmienja ta’ Ġunju, il-poplu għandu jivvota għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista ħa jkompli jagħmel aktar bidliet.
Hu semma li l-Partit Laburista għandu 68 manifest għal kull lokalità fejn l-irħula u l-ibliet ikomplu mexjin ’il quddiem. Abela qal li l-poplu jekk irid Ewropa magħquda u li tħaddan il-paċi u mhux il-gwerer għandu jagħti vot b’saħħtu lid-disa’ kandidati Laburista.
Hu temm jgħid li dan hu l-għan tal-politika, li tinċentiva u tagħti sostenn biex tkompli tagħti ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.