Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sebaħ qalb in-nies fil-komunità ta’ San Pawl il-Baħar bħala parti mill-kampanja elettorali ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Hawnhekk hu ltaqa’ u tkellem ma’ għadd ta’ nies li nġabru quddiem il-Knisja Parrokkjali tad-Duluri, fosthom pensjonanti li rringrazzaw lill-Gvern taż-żidiet li ta’ kull sena qed jagħtihom fil-pensjonijiet.
Il-Prim Ministru żar ukoll is-soċjetà mużikali ta’ din il-lokalità, fejn hawnhekk iltaqa’ mal-membri tal-għaqda, fil-preżenza anke tal-Kappillan Patri Joseph Mamo.
Iż-żjara, imbagħad, kompliet għand in-negozji, fl-inħawi tal-Qawra u Buġibba fejn Dr Abela tkellem mas-sidien u ma’ dawk li kienu qed jieħdu xi kafè jew jagħmlu x-xirja ta’ kuljum.
Il-Prim Ministru żar ukoll proġetti li saru jew qed isiru bħalissa f’din il-lokalità. Hawn hu wassal il-messaġġ pożittiv ta’ Gvern Laburista, dak li se jibqa’ jaħdem ta’ kuljum biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom, permezz tal-għadd ta’ miżuri, proġetti u inizjattivi li qed iniedi kontinwament.
Robert Abela tenna kif l-għażla għat-8 ta’ Ġunju li ġej hi waħda ċara, bejn partit fil-Gvern, li ma waqafx jgħin u jaħseb fin-nies, u partit fl-Oppożizzjoni li jinsab kontinwament medhi fin-negattività, il-ġlied u l-attakki.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll numru ta’ ministri u deputati Laburisti, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima, membri tal-Kunsill u kandidati Laburisti għall-elezzjonijiet ta’ bħal-lum xahar.