Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sostna li fl-istituzzjonijiet Ewropej irridu Membri Parlamentari li jemmnu f’Malta l-ewwel u qabel kollox.
Dr Abela qal dan meta kien qed jitkellem fost in-nies f’Ta’ Xbiex, fejn sostna li l-għażla tat-8 ta’ Ġunju li ġej qed issir aktar relevanti fejn il-poplu jrid jagħżel x’pajjiż irid u x’Ewropa jrid.
Hawnhekk Dr Abela sostna li l-Partit Laburista għandu pjan ċar għal-lokalitajiet u anke għall-Parlament Ewropew, bil-manifesti li nieda l-ġimgħa l-oħra.
Hu sostna kif, bil-maqlub, il-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda pjan u qed jirrikorri biss għal diskorsi ta’ firda u sostna kif minflok proposti qed jiddilettaw għall-protesti.