Il-Prim Ministru Robert Abela, waqt żjara li għamel f’San Ġiljan, tkellem dwar l-għadd ta’ esperjenzi li qed jiltaqa’ magħhom f’din il-kampanja elettorali, bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Il-Prim Ministru ħeġġeġ lil dawk fil-folla biex, fit-8 ta’ Ġunju, il-poplu jivvota għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista ħalli jkompli jġib aktar titjib fil-ħajja tal-komunitajiet u tal-pajjiż.
Abela semma li l-Partit Laburista għandu 68 manifest għal kull lokalità fejn l-irħula u l-ibliet ikomplu mexjin ’il quddiem, waqt li qal li, jekk il-poplu jrid Ewropa magħquda u li tħaddan il-paċi, għandu jagħti vot b’saħħtu lid-disa’ kandidati Laburisti.
Dr Abela semma waħda mill-aktar riformi ambizzjużi li wettaq il-Gvern, dik tal-kirjiet ta’ qabel l-1995, biex issa hemm aktar serħan tal-moħħ għall-inkwilini.
Hu temm jgħid li dan hu l-għan tal-politika, li tinċentiva u tagħti sostenn biex tkompli tagħti ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.