“Il-kwistjoni ma tistax tiġi trattata bħala ħaġa waħda.”
Dak kien kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Kwistjoni li ddominat l-aġenda fit-tieni jum tas-summit storiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega Arbija.
Summit li ra l-bidu għal djalogu kostruttv bejn iż-żewġ naħat bi qbil li jerġgħu jiltaqgħu fi Brussell fl-2022.
Preżenti għal dan is-summit f’Sharm El-Sheikh, fl-Eġittu, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tad-diskussjoni dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u kif din hija sfida komuni bejn il-pajjiżi Arab u l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Madankollu minkejja li hija sfida komuni, il-Prim Ministru nnota li din il-kwistjoni ma tistax tiġi trattata bħala ħaġa waħda.
“Hemm realiżżazzjoni li l-kwistjoni ma tistax tiġi trattata bħala ħaġa waħda. Hemm pajjiżi Arab li minnhom infushom pajjiżi fejn tasal l-immigrazzjoni mhux minn fejn titlaq.”
Dan hekk kif irid ikun hemm distinzjoni bejn refuġjati u mmigranti.
“Dejjem huwa mportanti li nżommu f’moħħna bejn refuġjat u mmigrant. Persuni li qiegħdin jaħarbu mill-persekuzzjoni ta’ gwerra, ta’ sitwazzjonijiet klimatiċi estremi forsi u persuni li qiegħdin jfittxu ħajja aħjar.”
Filwaqt li nnota l-qbil bejn iż-żewġ naħat, il-Prim Ministru żied jgħid li din hija sitwazzjoni fejn kulħadd irid jirrispetta r-regoli.
“Sitwazzjoni fejn kulħadd jirrispetta r-regoli u ż-żewġ naħat ma jridux jiffacilitaw sitwazzjoni ta’ gruppi kriminali li jinqdew b’din it-traġedja umana.”
Intant fl-istess summit il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk saħaq li huwa biss permezz ta’ qbil u kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat li jistgħu jtellfu u jwaqqfu gruppi kriminali bħal traffikanti tal-umani.
Fis-summit kien preżenti wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela, li ħa sehem f’laqgħat bilaterali.