Il-Prim Ministru Pollakk akkuża lill-President Russu, Vladimir Putin li huwa l-moħħ wara l-kriżi tal-migrazzjoni li qed tiddomina bħalissa mal-fruntieri tal-Belarus mal-Polonja.
Huwa qal li l-mexxej tal-awtoritajiet fil-Belarus, li huwa alleat mill-qrib ta’ Putin, qed jorkestra din il-kriżi imma l-ippjanar kollu qed isir f’Moska.
Minn tal-inqas elfejn migrant jinsabu mwaħħla mal-fruntieri f’kundizzjonijiet ta’ temp xejn sbieħ, hekk kif hemm kesħa kbira.
Il-mexxej tal-Belarus, Alexander Lukashenko ċaħad l-akkużi li qed jibgħat lin-nies mal-fruntieri bħala vendetta għas-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Filmati juru ġemgħat kbar ta’ nies fuq in-naħa tal-Belarus mal-ħajt li jifred lill-pajjiż minn mal-Polonja.
Ħafna mill-migranti huma rġiel imma hemm ukoll nisa u tfal, il-maġġoranza mil-Lvant Nofsani u mill-Ażja.