Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela saħaq li rridu nkomplu nibnu fuq it-tkabbir ekonomiku u soċjali li għadda minnu pajjiżna fl-aħħar seba’ snin.
Dr. Abela qal dan waqt attivita politika f’Bormla fejn stqarr kif il-Kottonera nnifisha hija xhud tal-progress ekonomiku u soċjali li gawda minnu pajjiżna.
“Minn post li kont tiddejjaq tiġi fih illum tħossok kburi li tagħmel parti minnu, li tiġi fih, li tiġi timxi mal-madwar. Post faċċata tant sabih ta’ fejn qegħdin, il-madwar kollu, il-qalba ta’ Bormla. Dan huwa xhud, frott ta’ bidla li għamilna fl-aħħar snin, l-aħħar seba’ snin.”
Il-Prim Ministru spjega kif dan kollu jikkonferma l-importanza tal-kontinwità ħalli l-ġid ikompli jasal għand kulħadd.
“Jien kommess li nkompli nkabbar il-business community tagħna, inkompli nkabbar it-tkabbir ekonomiku tagħna ħalli umbgħad imma l-ġid jinżel u jinżel l-isfel biex jilħaq lil kulħadd.”
Il-Prim Ministru aċċenna wkoll fuq l-importanza ta’ aktar parteċipazzjoni ta’ nisa fil-politika.
“Nemmen fil-kontribut qawwi li taw lill-pajjiżna f’dawn l-aħħar snin. Nemmen f’aktar parteċipażżjoni ta’ nisa fil-ħajja pubblika, fis-saffi kollha tagħha u iva dak il-mekkaniżmu li jiżgura aktar parteċipazzjoni, aktar rappreżentanza tan-nisa, se nmexxu l-quddiem dwaru biex jidħol.”
Il-Prim Ministru semma wkoll l-importanza tal-vuċi żagħżugħa fil-politika ta’ pajjiżna.
“Tant nemmen fikhom u rridkhom temmnu fina u rridkhom tkunu parti magħna f’din l-aventura, f’dan il-proġett sabih fejn se nkomplu mmexxu lil Malta u lil Għawdex ‘il quddiem.”
Fi tmiem id-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela aċċenna wkoll għall-għaqda li għadha b’saħħitha fil-Partit Laburista.
Għaqda li dehret ċara wara ġimgħat u xhur li setgħu għeżżu lill-Partit.
“Għandna massa ta’ nies li trid tibqa’ tersaq lejn il-Partit. Aħna idejna miftuħin.”
Ritratt: Gareth Degiorgio