Nhar il-Ħamis li ġej, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, flimkien mal-amministrazzjoni Laburista, se jkunu mill-ġdid qalb in-nies, din id-darba fil-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt Valletta, mis-sebgħa ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Din l-attività qed issir bħala parti mis-serje ta’ laqgħat li qed jagħmel il-Partit Laburista qalb in-nies, bis-sehem ewlieni tal-Prim Ministru.
Dan wara li, ftit tal-jiem ilu, il-Prim Ministru ġie intervistat mill-ġurnalist veteran Reno Bugeja fil-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa.
Lejliet din l-attività politika, ONE News ħa l-kummenti tal-President tal-Partit Laburista Ramona Attard, li appellat biex in-nies tieħu sehem u tagħti l-appoġġ tagħha lill-Prim Ministru u lill-Partit Laburista.
Qalet, “Anke minħabba issa t-temp kif inhu u anke minħabba wkoll li qegħdin fil-vaganzi tas-sajf, l-attivitajiet tal-Partit Laburista wkoll okkażjonijiet fejn il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela jiltaqa’ man-nies, jieħdu naqra xeħta differenti u għalhekk il-Ħamis filgħaxija se jkun qed jiġi intervistat il-Prim Ministru. Però, ovvjament, kulħadd hu mistieden biex jattendi għal din l-intervista u hi okkażjoni bħalma jaf kulmin attenda fejn il-Prim Ministru jiltaqa’ ma’ kulħadd b’mod individwali, għax hekk jieħu gost il-Prim Ministru. Għalhekk inħeġġukom tattendu, nafu li bħalissa l-istaġun ikun wieħed differenti minn dak tas-soltu, bħala attivitajiet politiċi, però ħassejna l-bżonn ukoll li, minkejja li hu s-sajf, inżommu u jibqa’ għaddej il-kuntatt man-nies.”