Il-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela kompla jiltaqa’ u jiddjaloga man-nies din id-darba fil-belt Kapitali.
Fil-fatt wara attività politika fi Pjazza Jean de Valette, Dr Abela mexa qalb in-nies fit-toroq tal-Belt u żar fost l-oħrajn il-każin tal-banda King’s Own.
Ta’ min ifakkar kif ftit jiem ilu, il-Gvern daħal f’konvenju mas-sidien tas-sede tal-Banda King’s Own, bil-għan li l-proprjetà tinxtara u s-soċjetà mużikali tiġi protetta mir-riskju imminenti li kellha ta’ żgombrament.
Din l-għaqda artistika, bħal oħrajn qabilha, kienet qed tiffaċċja tali riskju minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995. Issa l-Gvern intrabat li jinvesti b’kollox €7.4 miljun għall-akkwist tal-proprjetà fil-qalba tal-kapitali bħala ħlas għax-xiri tal-binja, kif ukoll €1.8 miljun oħra li jirrappreżentaw ħlas ta’ danni lis-sidien skont il-liġi.
Waqt l-attività politika, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tas-soċjetajiet mużikali, u kien għalhekk li l-Gvern intervjena u xtara dawn is-soċjetajiet mużikali għaliex dawn ikomplu jrawwmu valuri sbieħ tal-identità Maltija.
Sadanittant, il-Prim Ministru żar diversi ħwienet u negozji u tkellem ma’ dawk preżenti dwar diversi temi, li l-aktar jaffetwaw lil-lokal tagħhom.
Jakkumpanjawh kien hemm l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, deputati, flimkien mas-Sindku tal-Belt Valletta Olaf Mckay u l-Kunsilliera.