Laqgħa oħra mis-sensiela ta’ taħditiet li qed ikollu bħalissa l-Prim Ministru Joseph Muscat kienet f’Tallinn ma’ Juri Ratas, il-Prim Ministru l-ġdid tal-Estonja li huwa l-pajjiż li se jieħu f’idejh il-Presidenza Ewropea wara Malta fit-tieni sitt xhur tas-sena d-dieħla.
Dr Muscat qal li l-Estonja għandha rwol importanti x’tilgħab speċjalment fir-reġjun Baltiku u għalhekk hu fl-interess ta’ kulħadd li ssir komunikazzjoni effettiva ma’ dan il-pajjiż. Il-Prim Ministru qal li, filwaqt li Malta huwa pajjiż Mediterranju li b’mod naturali jolqtuh sfidi u mhux oħrajn, m’hemmx lok għal diviżjoni bejn tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, jew bejn il-Lvant u l-Punent.
“Huwa minnu li jeżistu interessi nazzjonali, imma hemm ukoll interess Ewropew. Nemmnu li l-konverġenza għandha tiddomina,” qal il-Prim Ministru. L-għan ewlieni ta’ Malta fil-Presidenza Ewropea hija li tagħti sens ta’ direzzjoni. Fosthom fuq l-immigrazzjoni fejn anke min jikkritika l-impożizzjoni Ewropea fuq il-qsim tal-piż, issa għandu jesprimi x’soluzzjonijiet oħra jeżistu.
Prioritajiet oħrajn għal Malta fl-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla huwa s-suq waħdieni u d-diġitaliżazzjoni tal-ekonomiji favur il-ħolqien ta’ aktar impjiegi, is-sigurtà Ewropea, l-inklużjoni soċjali, u s-settur marittimu. “Din hija opportunità għall-Ewropa biex tistabbilixxi lilha nnifisha bħala forza ta’ free trade. Hemm vojt u nistgħu nimlewh. Mhux free for all u b’kull ħarsien lejn l-aspett soċjali. Imma l-Ewropa ma tistax tibqa’ tieħu attitudni ta’ protezzjoni imma trid tinfetaħ dejjem iktar b’ħarsa iktar wiesgħa lejn il-futur,” temm jgħid il-Prim Minisru.
Min-naħa tiegħu, l-Prim Ministru tal-Estonja Juri Ratas qal li t-temi msemmija minn Dr Muscat huma l-istess bħal dawk li qed jaħdem fuqhom pajjiżu. Sostna li Malta u l-Estonja huma żewġ stati żgħar b’ċerti sitwazzjonijiet simili u għalhekk qed iħares ’il quddiem biex iż-żewġ naħat jaħdmu id f’id ma’ xulxin, anke biex ix-xogħol tal-Presidenza Ewropea li se jinbeda minn Malta u jitkompla b’suċċess mill-Estonja fis-sitt xhur ta’ wara.
Ritratt: DOI Kevin Abela