“Irridu nkunu proattivi u kostruttivi tul in-negozjati ta’ Brexit,” dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’laqgħa bilaterali li kellu mal-Prim Ministru Kroat, Andrej Plenković.
Muscat sostna li fil-ġimgħat li ġejjin l-Presidenza Maltija se taħdem mal-Kunsill Ewropew fin-negozjati tal-linji gwida li se jiġu preżentati mill-Gvern Ingliż fi żmien 48 siegħa, linji gwida li se jkunu qed jistabbilixxu t-triq ‘il quddiem.
Il-Prim Ministru Kroat spjega li pajjiżu se jkun wieħed mill-inqas affettwati mit-tluq tar-Renju Unit iżda jemmen li din mhix aħbar pożittiva għal diversi raġunijiet. Il-Prim Ministru Malti u dak Kroat qablu li kemm Malta u kemm il-Kroazja se jkunu qed jikkontribwixxu b’mod kostruttiv.