Dalgħodu il-President tal-Kunsill Presidenzjali Libjan Fayez al-Sarraj żar pajjiżna għal taħdidiet mal-Gvern Malti.
Huwa qed imexxi delegazzjoni li fost l-oħrajn tinkludi wkoll lill-Ministru Libjan tal-Affarijiet Barranin Mohamed Syala. Il-President tal-Kunsill Presidenzjali Libjan al-Sarraj kellu taħdidiet mal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja.
Din hija l-ewwel żjara ta’ dan il-Prim Ministru al-Sarraj f’Malta. Iż-żewġ mexxeja qablu li hija laqgħa biex pajjiżna jifhem aħjar is-sitwazzjoni fil-Libja.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li pajjiżna dejjem qies il-Libja u dak li jkun għaddej fiha bħala priorità assoluta fil-politika barranija. Qal ukoll li biex Malta tifhem aħjar is-sitwazzjoni fil-Libja u tkun f’pożizzjoni li tieħu deċiżjonijiet, jeħtieġ li jkollha sors ta’ informazzjoni korretta u minn ras il-għajn. Joseph Muscat qal li s-sitwazzjoni fil-Libja se tkun priorita fl-agenda ewropea tul il-Presidenza.
Il-Prim Ministru Libjan qal li minkejja li kellhom jgħaddu ftit xhur biex iżur Malta, ir-rwol kruċjali ta’ pajjiżna fis-sitwazzjoni fil-Libja se tissokta. Sostna li hemm bżonn li r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tkompli tikber, bl-ikbar sfidi jibqgħu is-sigurtà u l-qasas ekonomiku. Qal li dawn huma sfidi li biż-żmien jistgħu jingħelbu.
Il-President al-Sarraj se jagħmel ukoll żjara ta’ korteżija lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u se jiltaqa’ wkoll mad-Deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati Ċensu Galea.