Il-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela flimkien mal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista iffirmaw ktieb ta’ kondoljanzi fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista għall-Eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici.
Dan wara li fis-sigħat bikrin tas-Sibt tħabbret il-mewt tal-eks Prim Ministru u eks Mexxej tal-Partit Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici, fl-età ta’ disgħa u tmenin sena.
Fost oħrajn, preżenti kien hemm ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia biex jiffirma dan il-ktieb.
F’kumment ma’ ONE News, il-Prim Ministru Robert Abela fakkar ftit memorji li kellu ma’ Karmenu Mifsud Bonnici fosthom waqt xi kikkra kafè fil-Belt Valletta jew fl-awli tal-Qorti fejn iddeskrivieh bħala avversarju formidabbli.
Il-Prim Ministru qal ukoll li se jibqà jiftakru għall-onestà li dejjem ġarr miegħu tul ħajtu kollha.
“Niftakar ħafna l-kafejiet li sikwit kien ikollna flimkien. Kien jarani għaddej kien jgħidli poġġi ħalli nieħdu kafè flimkien u kienu esperjenzi li kien jaqsam miegħi kemm il-ħajja politika, il-ħajja tax-xogħol, x’kien jara għall-futur tal-pajjiż jiġifieri kellu viżjoni għal dan il-pajjiż minkejja l-età avvanzata tiegħu baqa’ bniedem li kien joħlom għall-pajjiżna. Imbagħad ġewwa l-Qorti kien avversarju formidabbli. Ma jċedi qatt, dejjem jagħmel l-aħjar li jista’ għal dak kollu li kien jemmen fih. Kien persuna li kellu valuri kbar, kellu karattru partikolari ħafna imma kien bniedem li dejjem taf fejn qiegħed miegħu u nemmen li l-onestà kienet kelma li kieku kelli niddeskrivieh ngħidlek kelma waħda tkun l-onestà. ”
Kull min jixtieq isellem il-memorja ta’ Dr. Karmenu Mifsud Bonnici bil-kitba jista’ jagħmel dan ukoll.
Fil-fatt, ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph Debattista fejn spjega iktar fid-dettall dwar kif wieħed jista’ jikkonkorri u jagħti l-kondoljanzi tiegħu. Dawk li jixtiequ jiffirmaw dan il-ktieb, għandhom imorru ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista minn għada, it-Tnejn, 7 ta’ Novembru bejn id-disgħa u sebgħa ta’ filgħaxija, sal-Ħamis, 10 ta’ Novembru f’nofsinhar.
“Huwa xieraq li nonoraw l-ex Prim Ministru, ex Mexxej tal-Partit Laburista Karmenu Mifsud Bonnici propju hawnhekk fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-post fejn baqa’ jattendi anka sal-aħħar żminijiet biex jieħu sehem u jivvota anka f’elezzjonijiet interni li kellna fil-Partit Laburista. Permezz ta’ ktieb ta’ kondoljanzi qed nistiednu lill-pubbliku biex jiġi hawnhekk sa nhar il-Ħamis f’Nofsinhar biex jagħti l-kondoljanzi tiegħu. Imma nħeġġeġ minn qalbi lin-nies biex għada jattendu għall-funeral li se jsir fil-knisja tal-Kunżizjoni, il-Ħamrun. ”
Fil-fatt, bħalissa Malta qed tosserva jumejn ta’ luttu nazzjonali, bil-bnadar fuq il-binjiet pubbliċi jittajru mezz’asta.
Dan il-perjodu jintemm propju l-għada li se tingħata l-aħħar tislima lill-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Karmenu Mifsud Bonnici. Din se tkun qed tingħata nhar it-Tnejn li ġej fis-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar, fil-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun.
Barra minn hekk l-istazzjon ONE se jkun qed ixandar programm speċjali b’diskussjoni ma’ diversi mistiedna li se jaqsmu t-tifkiriet u l-ħidma tagħhom mal-ex Prim Ministru u Mexxej Laburista Karmenu Mifsud Bonnici. Il-programm se jibda’ fis-siegħa ta’ waranofsinhar u għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs se jkun qed jingħaqad f’xandira diretta għall-quddiesa tal-funeral.
Il-programm se jkun ippreżentat mill-ġurnalista ta’ ONE News Antoinette Falzon.