Il-Prim Ministru Brittaniku Sir Keir Starmer ikkonferma li l-Gvern Laburista għandu l-intenzjoni li jimplimenta l-wegħda elettorali tiegħu li jnaqqas l-età tal-vot għal 16-il sena f’elezzjonijiet ġenerali.
Huwa qal li dan se jsir bħala parti mill-impenn tal-partit li jsaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini żgħażagħ u jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni politika f’età bikrija.
“Hi wegħda li għamilna u hi wegħda li se nżommu”, qal Starmer waqt laqgħa li saret fil-Parlament Ingliż.
Huwa tenna li l-Gvern huwa determinat li jwettaq din il-miżura – anke jekk din ma ġietx inkluża fid-diskors tar-Re Karlu meta telgħa Gvern ġdid f’Lulju li għadda.
Starmer żied jgħid li din il-liġi hija mistennija tiddaħħal aktar ’il quddiem tul din il-leġiżlatura.
Il-Prim Ministru Brittaniku argumenta li jekk persuna ta’ 16-il sena tista’ toħroġ taħdem u tħallas it-taxxi, għandu jkollha wkoll id-dritt li tagħżel min imexxi l-pajjiż u kif jintefqu dawk it-taxxi.
Fl-Iskozja u Wales, il-persuni ta’ 16 u 17-il sena diġà għandhom id-dritt li jivvotaw fl-elezzjonijiet parlamentari reġjonali u lokali, madankollu, l-età tal-vot f’Ingliterra, l-Irlanda ta’ Fuq u għall-elezzjonijiet ġenerali tar-Renju Unit għalissa hija dik ta’ 18-il sena.
Mistoqsi dwar jekk huwiex favur aktar edukazzjoni politika għaż-żgħażagħ, Starmer qal li jixtieq li ż-żgħażagħ jiġu mgħallma dwar iċ-ċittadinanza u kif taħdem id-demokrazija.
Il-Gvern indika li l-liġi biex titnaqqas l-età tal-vot għal 16-il sena għandha tidħol fis-seħħ qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, li mistennija ssir fl-2029.
F’Malta, il-Vot 16 ġie introdott mill-Partit Laburista fl-2018 li ta d-dritt liż-żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena jivvotaw fl-elezzjonijiet kollha – miżura li nkoraġġixxiet aktar parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fid-demokrazija u tħeġġiġhom jieħdu sehem fil-ħajja pubblika tal-pajjiż.