Il-Prim Ministru Robert Abela żar binja storika, li nbniet lejn l-aħħar tas-Seklu Tmintax, bl-isem ta’ Villa Portelli, li bħalissa qed isirilha xogħol ta’ restawr fuqha minn Heritage Malta biex tkun tista’ tibda titgawda mill-pubbliku.
Fi żjara li l-Prim Ministru Robert Abela għamel fuq il-post, it-tmexxija ta’ Heritage Malta spjegat kif ix-xogħol li qed isir ta’ restawr u anke l-qalba diġitali se jgħinu biex il-pubbliku jgawdi l-villa mingħajr ħlas, mhux bħala sempliċiment mużew, iżda tiġi offruta esperjenza fuq diversi temi marbutin mal-wirt kulturali u anke tingħata viżibilità virtwali lill-wirt storiku wiesa’ li għandu pajjiżna taħt il-baħar.
Il-ġnien mal-villa, li hu kbir aktar minn erba’ tomniet, ukoll se jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku fi spazju aħdar ieħor miftuħ li jservi ta’ rilassament għall-komunità u għal attivitajiet edukattivi.
Dr Abela fisser dan ix-xogħol, li qed isir frott deċiżjoni tal-Kabinett li Villa Portelli tgħaddi għand Heritage Malta, bħala importanti biex il-patrimonju ta’ pajjiżna mhux biss jitħares, iżda jitgawda mill-familji u joffri esperjenza edukattiva f’ambjent sabiħ.
Qal, “Nibdew billi l-ġonna, hawn aktar minn erba’ tomniet ħa jingħataw lill-pubbliku, niftħuhom bħala spazji miftuħa, ħalli nkunu qegħdin ninterpretaw il-villa, l-użu tagħha tul iż-żminijiet. Ħa nkunu qegħdin ukoll noffru spazji għall-komunità, spazji biex jintużaw mill-NGOs u l-għaqdiet volontarji għall-ġid u għall-benefiċċju tal-komunità lokali u tal-pubbliku Malti.”
Il-Prim Ministru sostna li dan il-proġett ta’ restawr fdat f’idejn il-gwardjan tal-wirt kulturali hu wkoll parti minn bidliet oħrajn f’livell ta’ komunità li l-Gvern irid ikompli jagħmel billi binjiet storiċi u pubbliċi jkunu miftuħa għall-familji.
Din il-villa fil-Kalkara fi żmien l-Ingliżi kienet ir-residenza tal-Ammiral. Hawnhekk Heritage Malta mistennija wkoll toffri esperjenza lill-viżitaturi fejn ikollhom l-opportunità jsegwu restawr ta’ dgħajjes tradizzjonali.
Dan hu proġett li se jkun qed jinħadem mal-istudenti tal-MCAST. Dan apparti inizjattivi minn Heritage Malta ppjanati għal din il-villa bħal spjegi lill-viżitaturi fuq effetti tat-tibdil fil-klima fuq wirt storiku.
Fil-fatt, ix-xogħol ta’ restawr li qed isir bħalissa u li jammonta għal €3 miljun qed jindirizza wkoll ħsarat li Villa Portelli sofriet kawża tal-maltemp li kellna fi Frar li għadda.
“Issa li qed nagħmlu hi li noħolquha b’mod diġitali ta’ kif proprjament ħa tkun din il-binja u għalxiex qed nużawha. Apparti minn hekk, qed niskenjaw xi statwi u xi artifatti li kienu f’din il-binja biex ikoll inkunu nistgħu nippriservaw u nagħmlu d-dokumentazzjoni tal-binja u l-wirt storiku tagħha.”
“Opportunitajiet ġodda, ix-xogħol tagħna għandu valur u wirt storiku imprezzabbli u hija sfida. Ix-xogħol jimlik kuraġġ li taħdem fuqu għax Malta mimlija b’dawn il-postijiet ta’ wirt storiku.”
Jakkumpanja lill-Prim Ministru fiż-żjara kien hemm ukoll il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici, u s-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina.