Il-Prim Ministru Robert Abela żar The Club Fitness Centre fil-Qrendi, fejn qed isir taħriġ tal-OCR speċjalizzat u inklużiv għall-awtiżmu.
Matul iż-żjara, Dr Abela ltaqa’ ma’ tfal u ġenituri li qed jibbenefikaw minn din l-inizjattiva.
Dan il-proġett innovattiv, imniedi ftit tas-snin ilu, huwa kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, l-Autism Parents Association, u The Club Fitness Centre mmexxi minn Julian Briffa.

Il-faċilità toffri taħriġ sportiv bla ħlas lil tfal li jinsabu fil-firxa tal-awtiżmu, filwaqt li tibqa’ miftuħa wkoll għal tfal oħra tal-komunità.
Dr Abela kellu l-opportunità jara mill-qrib it-taħriġ u apparat speċjalizzat li qed jintuża biex jgħin lit-tfal jintegraw aħjar fl-attivitajiet sportivi. Huwa faħħar l-impenn tal-organizzaturi u rrikonoxxa l-irwol importanti li dawn il-proġetti għandhom fl-inklużjoni u l-iżvilupp personali tat-tfal.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru Julia Farrugia, li fakkret li dan il-proġett ingħata appoġġ finanzjarju mill-Gvern biex jissaħħaħ l-ispazju u l-programmi ta’ taħriġ.
Għaldaqstant il-faċilità tilqa’ mhux biss tfal bl-awtiżmu iżda wkoll residenti u anzjani li jixtiequ jagħmlu użu minnha matul il-ġimgħa.

Intant, waqt din iż-żjara l-Prim Ministru ltaqa ma’ diversi ġenituri li tkellmu dwar l-għajnuniet li offrew appoġġ lill-familji ta’ tfal b’diżabilità. Dan hekk kif permezz tal-iskema ta’ rifużjoni fuq l-ispejjeż tat-terapija għat-tfal b’diżabilità, il-ġenituri issa jistgħu jitolbu lura sa €750 fis-sena għal sessjonijiet ta’ terapija. Din hi żieda ta’ €250 mill-ammont li kien jingħata s-sena l-oħra. L-inizjattiva mħabbra tinkludi wkoll ġenituri bi dħul baxx u dawk fuq benefiċċji soċjali. Dan il-pass jassisti direttament lill-familji biex ikunu jistgħu jiffukaw fuq il-ġid u l-iżvilupp tat-tfal tagħhom mingħajr piż finanzjarju żejjed.