Il-Prim Ministru Joseph Muscat żar lill-istudenti fil-Junior College u l-Università ta’ Malta. Dan waqt il-ġimgħa ddedikata għal dawk li għal l-ewwel sena se jistudjaw f’dawn l-istituzzjonijiet edukattivi, magħrufa bħala Freshers’ Week.
Il-Prim Ministru dar u tkellem ma’ bosta għaqdiet studenteski li matul din il-ġimgħa qed jilqgħu lill-istudenti l-ġodda. Dan permezz tal-istands li bihom urew ix-xogħol li jwettqu mal-kamp studentesk matul is-sena.
Dr.Muscat żar ukoll l-istand fl-Università tal-Moviment Graffiti li t-Tnejn wieħed mill-membri tagħhom twaqqaf minn uffiċjal tas-sigurtà meta kien liebes maskra tal-Ministru Ian Borg.
Meta mistoqsi mill-ġuranlisti, il-Prim Ministru ddeskriva d-deċiżjoni bħala stupida.
Il-Prim Ministru qal:“Naħseb illi kienet deċiżjoni stupida, nazzarda ngħidilha u ma naħsibx li kienet deċiżjoni tal-Universita top down imma kienet deċiżjoni li ttieħdet minn xi ħadd x’imkien. Bla dubju ta’ xejn il-‘freedom of expression’ u jekk ma ssirx hawnhekk fl-Universitá ma nafx fejn trid tkun.”
Mistoqsi dwar l-inkjesta pubblika li ħatar il-Gvern dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru saħaq li wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-assemblea parlamentari tal-kunsill tal-Ewropa. Dan wara il-kummenti li għamel ir-rapporteur tal-assemblea Pieter Omzig fejn sa mill-bidu nett il-Gvern kien għamilha ċara li dan għandu defiċit qawwi ta’ kredibbiltà.
Il-Prim Ministru, Joseph Muscat sostna “Il-Kunsill tal-Ewropa mhuwiex il-Parliamentary Assembly tal-Council of Europe. Huma żewġ istituzzjonijiet li huma tanġenzjali ma xulxin imma mhux l-istess ħaġa. From day one għidna li aħna nengagejaw mal-Council of Europe, mal-kunsill tal-Ewropa. Filfatt is-segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa ħarġet stqarrija l-għada li jien ħabbart l-inkjesta. Għidna from day one, mhux illum, li m’għandniex fiduċja fis-sur Omtzigt li jirrapreżenta l-parliamentary assembly.”
Dr Muscat fakkar li s-Sur Omtzig kien instab li vvinta informazjzoni dwar il-każ tal-ajruplan li kien twaqqa’ fuq l-ukrajna fejn kien waħħal fl-Ukreni flok fir-Russi. Sostna li l-mod kif jaġixxi, jikteb u jitkellem juri li mhux interessat li toħroġ il-verità.
Il-Prim Ministru sostna li dan ma jfissirx li l-Gvern se jagħlaq widnejh iżda se jidħol f’diskussjonijiet mal-Kunsill tal-Ewropa li fissirhom bħala interlokuturi ġenwini.