Minn meta faqgħet il-pandemija, il-Gvern nefaq €50 miljun u ġew salvati aktar minn 90,000 impjieg ta’ ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom.
Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri, żar u rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Malta Enterprise li kellhom irwol importanti biex ifasslu skemi li permezz tagħhom ġew salvati l-impjiegi.
Matul iż-żjara, ġie spjegat kif il-ħaddiema kollha kienu lesti u ppreparati biex jaddattaw għal dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji u biex jippoċessaw eluf ta’ applikazzjonijiet li ġew sottomessi lill-Malta Enterprise.
Minkejjja l-pandemija, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia spjega lill-Prim Ministru li t-tmexxija tal-Malta Enterprise baqgħet iffukata biex tkompli tattira iżjed investiment barrani lejn pajjiżna b’benefiċċju għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jkompli jkun ta’ appoġġ għall-ħaddiema u l-intrapriżi ta’ pajjiżna biex f’qasir żmien jerġa’ jkollhom sehem ewlieni fit-tkabbir tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Silvio Schembri rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Malta Enterprise li f’dawn l-aħħar xahrejn wieġbu madwar sittin elf talba ta’ għajnuna.