Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-postijiet fejn l-artisti tal-Karnival jaħdmu b’dedikazzjoni liema bħalha. Hemmhekk iltaqa’ mal-parteċipanti li kienu għaddejjin bl-aħħar preparamenti qabel jesebixxu l-karrijiet u l-kostumi tagħhom.
Organizzat minn Festivals Malta, il-Karnival ta’ Malta huwa wieħed mill-eqdem festivals f’pajjiżna, li saħansitra jmur lura għal 500 sena ilu. Din is-sena l-attivitajiet tal-Karnival ser ikunu mifruxa fuq ħamest ijiem fil-Belt Valletta. F’din l-edizzjoni ser jikkompetu disa’ kategoriji differenti li jikkonsistu f’karrijiet, żfin kompetittiv, stallazzjonijiet, u maskaruni.

Waqt iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru tkellem mal-parteċipanti, fejn spjegawlu kif minn kunċett artistiku jirnexxilhom joħolqu l-karrijiet tagħhom, xogħol li jieħu xhur twal biex jitlesta. Huwa faħħar din il-ħidma u sostna li permezz ta’ dan it-talent qed iżommu ħaj it-tradizzjoni tal-Karnival, sabiex ikompli jitgawda mill-pubbliku kif ukoll mit-turisti.

Il-Prim Ministru ra wkoll il-vetturi l-ġodda li ser jintużaw waqt il-Karnival permezz ta’ investiment ta’ €1.2 miljun. Huwa tenna li l-Gvern kommess li jkompli jinvesti fil-qasam tal-kultura u permezz ta’ dan l-investiment ser ikollna Karnival aktar sostenibbli u sigur, kemm għall-parteċipanti kif ukoll għall-udjenzi.
