Kumpanija kbira u rinomata tal-gaming, STARS GROUP, fetħet uffiċini ġodda f’San Ġiljan biex tkun tista’ takkomoda n-numru ta’ impjegati li żdied fl-aħħar ħames snin.
Fil-fatt il-kumpanija tal-Igaming fl-2012 kienet timpjega għexieren ta’ impjegati biex illum għandha mal- 270 impjegat. Numru li se jkun qed jiżdied fiż-żmien li ġej, bl-uffiċċju jakkomoda mal-350 impjegat.
STARS Group jinkludi numru ta’ gruppi tal-Igaming fosthom PokerStars, PokerStars Casino u MEGASTACK.
Dan il-grupp għandu aktar minn 110 miljun klijent reġistrat, biex illum huwa wieħed mill-ikbar negozji tal-gaming fid-dinja.
Fil-ftuħ tal-uffiċini, l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li “Malta saret destinazzjoni globali ghall-investiment ta’ kumpaniji tal-gaming dan għaliex pajjizna joffri ambjent ideali biex kumpaniji bħal The Stars Group ikomplu jagħmlu aktar suċċess.”
F’kummenti ma’ One News, is-CEO ta’ The Stars Group, Rafi Ashkenazi, qal li Malta għandha l-klima neċċessarja u hija hub Ewropea biex kumpaniji bħal The Stars Group ikomplu jikbru u jespandu l-operat tagħhom. L-uffiċini huma spazjużi u mgħammra bl-aqwa teknologija u joffru spazju innovattiv biex il-ħaddiema jkunu dejjem aktar innovattivi.
Bl-impjegati esprimew li Malta hija post ideali biex wiehed jahdem u huma ottimisti li din il-kumpanija se tkompli tikber.
Fil-futur qarib fil-fatt se jkollhom kollegi ġodda hekk kif preżentament hemm aktar minn 32 opportunita tax-xogħol ġdida.