Matul il-jum tal-Erbgħa l-Prim Ministru Robert Abela żar lill-ħaddiema Għawdxin li qegħdin fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-COVID-19.
Waqt iż-żjara tiegħu f’Għawdex il-Prim Ministru Abela akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri beda billi żar l-ħaddiema tal-Gozo Channel fit-terminals tal-Imġarr u wara żar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Waqt iż-żjara fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Prim Ministru żar numru ta’ swali, kif ukoll taqsima ta’ emerġenza li ġiet maħluqa fl-iskola medika ta’ Barts b’rabta mal-imxija tal-Covid-19.
Il-Prim Ministru żar ukoll l-uffiċini tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien soċjali f’Għawdex ġewwa x-Xewkija, li bħalissa qed tagħmel xogħol b’rabta ma’ tqassim tal-ikel lill-familji vulnerabbli.
Fl-aħħarnett, Dr Abela mar ukoll fil-heliport, fejn hemmhekk hemm l-air ambulances u anke ċ-ċentru tad-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
F’kummenti li għadda, huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha li qed jikkontribwixxu f’din il-ġlieda kontra din il-pandemija, u wassal ukoll messaġġi ta’ kuraġġ.