“Se nibqgħu ninvestu fost dawk li jagħtu timbru fuq l-identità importanti tal-kultura Maltija, mhux b’inqas is-soċjetajiet mużikali u l-każini tal-banda.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela meta żar is-sede tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu fil-Ħamrun. Żjara li matulha tenna għal darb’oħra s-sostenn li se jibqgħu jsibu mill-Gvern, l-għaqdiet mużikali li jżommu t-tradizzjoni tal-festa ħajja.
Is-soċjetajiet mużikali fi kliem il-Prim Ministru, għandhom irwol importanti ħafna fl-ibliet u l-irħula tagħna hekk kif isaħħu s-sens ta’ komunità filwaqt li jikkontribwixxu fit-tagħlim tal-mużika.
Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru ngħata merħba mill-Kumitat tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu u ffirma l-ktieb tal-viżitaturi.
F’kelmtejn lil dawk li nġabru fil-Każin ta’ San Gejtanu, il-Prim Ministru Abela fisser is-soċjetajiet mużikali bħala dawk li jixprunaw it-talenti ta’ bosta, fosthom żgħażagħ u artisti. Qal li dawn is-soċjetajiet huma fost għaqdiet oħra li jikkontribwixxu bi sħiħ favur il-festa Maltija.
Mill-2020 sal-lum, il-Gvern investa madwar €3.5 miljun permezz ta’ skemi tal-Kunsill Malti għall-Arti biex jgħinu għaqdiet kulturali marbuta mal-festi fosthom biex l-għaqdiet mużikali jinvestu fit-tagħlim tal-mużika u anki jiddiġitalizzaw id-dokumenti mużikali tagħhom.
Il-Prim Ministru rrimarka dwar l-impenn tal-Gvern li jirrisolvi s-sitwazzjoni ta’ riskju ta’ żgumbrament ta’ soċjetajiet mużikali u joffri wkoll soluzzjoni ġusta mas-sidien ta’ proprjetajiet li llum jintużaw bħala każini tal-banda. F’dan ir-rigward diġà ntlaħqu ftehimiet u għaddejjin diskussjonijiet li jinsabu fi stadju avvanzat fuq proprjetajiet oħra.
Il-Prim Ministru għaraf li l-ħidma bla heda li għaddejja fost is-soċjetajiet mużikali, hija frott ħafna volontarjat li jsir b’dedikazzjoni kbira u saħaq li dan irid jibqa’ jiġi appoġġjat f’ġieħ is-sostenibbiltà li neħtieġu biex il-festi jibqgħu mħarsa u parti mill-qalba tal-kultura Maltija.