Fil-ġimgħat li ġejjin, se jibda l-proċess biex isiru l-bidliet fil-liġijiet tal-ippjanar biex il-gvern jissiġilla ċ-ċertezza u s-serħan il-moħħ li Ħondoq ir-Rummien ma jkunx żviluppat. Dan hu l-pass li jmiss fil-ġlieda għall-ħarsien ta’ Ħondoq ir-Rummien.
Dan kien il-messaġġ importanti u ċar li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel f’Ħondoq ir-Rummien, fil-limiti tal-Qala.
Dr Abela spjega li din hi deċiżjoni li trid treġġa’ dak li missu ma sar qatt, jiġifieri li fl-2006 iddaħħlet bidla fil-pjan lokali li ffaċilitat li jista’ jsir żvilupp konsiderevoli f’Ħondoq.
Qal li d-direzzjoni li issa qed jagħti l-Gvern hija bidla oħra importanti li tippriserva l-gżira Għawdxija u li hi fl-interess tal-familji fosthom Għawdxin u l-komunita tal-Qala b’mod partikolari.
Il-Prim Ministru nnota li deċiżjonijiet mill-2013 ’il quddiem tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-qrati ċaħdu dan l-iżvilupp, iżda bħalissa ma hemm xejn xi jżomm milli tidħol applikazzjoni oħra għal żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien, u għalhekk hu meħtieġ li kontra dawk id-deċiżjonijiet passati li taw valur akbar għall-ispekulaturi, issa jintbagħat sinjal qawwi favur l-interessi tan-nies u aċċess mingħajr xkiel għall-bajja f’Ħondoq.
Dr Abela nnota li prinċipju ewlieni f’ħidmet dan il-Gvern kien dejjem konsistenti kontra żvilupp f’dan il-post, anki kif kien wiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
Il-Prim Ministru Robert Abela radd ħajr lis-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg tal-ħidma bla heda biex jiddefendi lil Ħondoq minn żvilupp.
Fis-sit ta’ Ħondoq ir-Rummien, il-Prim Ministru Abela nnota li fuq art tal-gvern, li kienet ilha abbandunata, sar l-ewwel Reverse Osmosis għal Għawdex, impjant state-of-the-art li sar b’investiment ta’ €11-il miljun li qed jiżgura għall-Għawdxin, sors indipendenti ta’ ilma ta’ kwalità li fost oħrajn jasal fid-djar.
Dan l-impjant se jkompli jsaħħaħ l-effiċjenza tiegħu b’aktar investiment frott il-fiduċja li ntweriet fil-Green Bonds li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħarġet b’valur ta’ €25 miljun u li nħatfu minnufih.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri u s-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg.